Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan jitħabbar l-Evanġelju tat-Trasfigurazzjoni: Ġesù jieħu miegħu fuq l-għolja lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni u jidher quddiemhom fil-ġmiel kollu tiegħu bħala Iben Alla (cfr Mt 17, 1-9)

Nieqfu għal waqt fuq din ix-xena u nistaqsu lilna nfusna: fiex jikkonsisti dal-ġmiel kollu?  X’jaraw id-dixxipli?  Xi effett spettakolari?  Le, xejn minn dan.  Jaraw id-dawl tal-qdusija ta’ Alla jiddi fil-wiċċ u fl-ilbies ta’ Ġesù, xbieha perfetta tal-Missier.  Tidher il-majestà ta’ Alla, is-sbuħija ta’ Alla.  Iżda Alla hu imħabba, għalhekk id-dixxipli raw b’għajnejhom il-ġmiel u l-isplendur tal-imħabba divina inkarnata fi Kristu.  Raw il-ġenna minn qabel!  X’sorpriża għad-dixxipli! Il-wiċċ tal-imħabba kien ilu żmien quddiem għajnejhom u qatt ma kienu ndunaw kemm kien sabiħ!  Kien biss issa li ndunaw b’ħafna ferħ, b’ferħ kbir immens.

Fil-fatt, b’din l-esperjenza, Ġesù qed jiffurmahom, qed iħejjihom għal pass ferm aktar importanti.  Ftit żmien wara, infatti, kellhom jibdew jaraw fih l-istess ġmiel, meta kellu jitla’ fuq is-salib u dak il-wiċċ jisfa sfigurat.  Pietru tqil biex jifhem, jixtieq iwaqqaf iż-żmien, iżomm ix-xena “statika”, jibqa’ hemm biex itawwal din l-esperjenza meraviljuża, iżda Ġesù ma jippermettihx dan.  Infatti, id-dawl, ma jistax jirriduċi ruħu għal “xi mument maġiku”!  Hekk, ix-xena kienet tispiċċa xena finta, artifiċjali, li tinħall fiċ-ċpar ta’ sentimenti li jgħaddu. Bil-maqlub, Kristu huwa d-dawl li jagħti direzzjoni lit-triq, bħall-kolonna tan-nar li mexxiet lill-poplu fid-deżert (cfr 13-21).  Is-sbuħija ta’ Ġesù ma tbiegħedx lid-dixxipli mir-realtà tal-ħajja, imma ttihom il-forza biex jimxu warajh sa Ġerusalemm, sas-salib.  Is-sbuħija ta’ Kristu ma taljenakx, tmexxik dejjem ‘il quddiem, ma tħallikx tinħeba: ibqa’ miexi!

Ħuti, dan l-Evanġelju jfassal it-triq għalina wkoll, jgħallimna kemm hu importanti nibqgħu ma’ Ġesù, ukoll meta ma tkunx ħafifa nifhmu dak kollu li jgħid u li jagħmel għalina.  U meta aħna miegħu, infatti, nitgħallmu naraw fil-wiċċ tiegħu is-sbuħija mdawla tal-imħabba li tingħata, anki meta jkollha fuqha s-sinjali tas-salib. U fl-iskola tiegħu nistgħu nitgħallmu nagħrfu dik l-istess sbuħija fil-wiċċ tal-persuni li ta’ kuljum jimxu spalla ma’ spalla magħna il-familjati, il-ħbieb, il-kollegi, lil min bl-aktar modi varji jieħu ħsiebna.  Kemm uċuħ imdawla, kemm tbissim, kemm tikmix, kemm dmugħ u ċikatriċi jkellmuna dwar l-imħabba li mdawrin biha!  Nitgħallmu nagħrfuhom u nimlew qlubna bihom.  Imbagħad nitilqu biex inwasslu lill-oħrajn ukoll id-dawl li nkunu rċevejna, b’opri ta’ mħabba konkreti (cfr Ġw 3, 18), billi nagħmlu b’ġenerożità akbar dak kollu li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, inħobbu, inservu u naħfru b’aktar ħerqa u disponibbiltà.  Il-kontemplazzjoni tal-meravilji ta’ Alla, il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla, tal-wiċċ tal-Mulej, għandha tixprunana biex inservu lill-oħrajn.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: nafu nagħrfu d-dawl tal-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħna?  Nagħrfuha bil-ferħ u l-gratitudni fl-uċuħ tal-persuni li jridulna l-ġid?  Infittxu madwarna s-sinjali ta’ dan id-dawl li jimlielna qalbna u jiftaħhielna għall-imħabba u għas-servizz?  Jew nippreferu n-nar tat-tiben tal-idoli, li jaljenawna u jagħlquna fina nfusna?  Id-dawl kbir tal-Mulej u d-dawl mistħajjel tal-idoli.  Liema nippreferi jien?

Marija, li f’qalbha ħarset id-dawl ta’ Binha, anki fid-dalma tal-Kalvarju, takkumpanjana dejjem fit-triq tal-imħabba.

Sors: laikos.org