Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!
Illum qed niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej, jiġifieri l-mument meta Hu wera ruħu lill-popli kollha, irrappreżentati mill-Maġi (cfr Mt 2, 1-12). Huma l-għorrief li qed ifittxu, li wara li tqanqlu hekk kif dehritilhom il-kewkba, jaqbdu t-triq u jaslu Betlehem. Hemmhekk isibu lil Ġesù, “ma’ Marija ommu”, jinxteħtu jagħtuh qima u joffrulu “deheb, inċens u mirra” (v. 11).
Bnedmin għorrief li jgħarfu l-preżenza t’Alla f’sempliċi Tarbija; mhux f’xi prinċep jew xi nobbli, imma f’iben nies foqra, u jinżlu jadurawh. Il-kewkba mexxiethom lejn Tfajjel; u huma, fl-għajnejn ċkejkna u innoċenti, jilmħu d-dawl tal-Ħallieq tal-univers, ħaġa li għaliha huma kienu ddedikaw l-eżistenza tagħhom.
Hi esperjenza deċisiva għalihom u importanti għalina wkoll: f’Ġesù Bambin, infatti, naraw lil Alla magħmul bniedem. Allura nħarsu lejh, nistagħġbu bl-umiltà tiegħu. Nikkontemplaw lil Ġesù, nibqgħu fil-preżenza tiegħu, nadurawh fl-Ewkaristija: mhix ħela ta’ ħin, imma hu ħin li jagħmel sens. L-adorazzjoni mhix ħela ta’ ħin, imma ħin li fih is-sens. Dan importanti, intenni: l-adorazzjoni mhix ħela ta’ ħin, imma ħin mogħti s-sens. Hu ħin li bih insibu mill-ġdid ir-rotta tal-ħajja fis-sempliċità ta’ silenzju li jitma’ l-qalb.
U ejjew ukoll infittxu l-ħin biex inħarsu lejn it-tfal bħalma l-Maġi ħarsu lejn Ġesù: iċ-ċkejknin li jkellmuna wkoll dwar Ġesù, bil-fiduċja tagħhom, bl-immedjatezza tagħhom, bl-istagħġib tagħhom, bis-sens ta’ kurżità sana tagħhom, bil-ħila tagħhom li jibku u jidħqu bl-ispontanjetà, li joħolmu.
Għalhekk nistaqsu: matul dawn il-jiem waqafna biex naduraw, għamilna ftit spazju biex fis-silenzju jidħol fih Ġesù, bit-talb quddiem il-presepju? Tajna l-ħin tagħna għat-tfal, biex nitkellmu u nilgħabu magħhom? U fl-aħħar, jirnexxielna nħarsu lejn il-problemi tad-dinja minn għajnejn it-tfal?
Marija, Omm Alla u ommna, tkattar fina l-imħabba lejn Ġesù Bambin u lejn it-tfal kollha, speċjalment dawk imġarrbin mill-gwerer u l-inġustizzji.
Sors: laikos.org