Pope Francis calls on the faithful to use creativity, prudence, and even cleverness, in living out the Gospel in our daily lives, and to be generous in using the goods of this world for those who need them most, showing fraternal love and social fellowship.

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-parabbola li jippreżentalna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Lq 16, 1.13) tidher li hi ftit diffiċli biex tinftiehem.  Ġesù jirrakkonta storja ta’ korruzzjoni: amministratur diżonest, li jisraq, imbagħad meta sidu jsir jaf, jaħdem b’moħħu biex joħroġ mis-sitwazzjoni.  Nistaqsu lilna nfusna: fiex jikkonsisti dal-ħażen tal-moħħ – min qed jużaħ hu korrott -, u xi jrid jgħidilna Ġesù?

Mir-rakkont naraw li dan l-amministratur korrott jispiċċa fl-inkwiet għax abbuża mill-ġid ta’ sidu; issa jkollu jagħti kont u se jispiċċa jitlef ix-xogħol.  Imma hu ma jħossux tellief, ma jirrassenjax ruħu għad-destin u ma jilgħabhiex tal-vittma; bil-maqlub, mill-ewwel jaħseb bil-ħażen, ifittex soluzzjoni, għandu l-inizjattiva.  Minnufih Ġesù jieħu spunt minn din l-istorja biex itina l-ewwel provokazzjoni: “ulied id-dinja – qal – jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (v. 8).  Jiġifieri jiġri illi min jimxi fid-dlam, skont il-kriterji tad-dinja, jaf idabbar rasu meta jinqala’ l-għawġ, jaf iħaddem rasu aktar mill-oħrajn; iżda d-dixxipli ta’ Ġesù, jiġifieri aħna, kultant inkunu reqdin, inkella inġenwi, ma nafux nieħdu l-inizjattiva biex infittxu mnejn se noħorġu meta nkunu f’diffikultà (cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24).  Per eżempju, qed naħseb fil-waqtiet ta’ kriżijiet personali, soċjali, imma ekkleżjali wkoll: xi drabi nħallu l-qtigħ il-qalb jirkibna, jew inkella ninfexxew ingemgmu jew naqgħu fil-vittimiżmu.  Iżda – jgħid Ġesù – jista’ jkollna moħħ li jilħqilna skont l-Evanġelju,  nishruu nkunu attenti biex niddixxernu r-realtà, inkunu kreattivi biex infittxu soluzzjonijiet tajbin, għalina u għall-oħrajn.

Iżda hemm tagħlima oħra li joffrielna Ġesù.  Infatti, fiex jikkonsisti l-ħażen ta’ moħħ l-amministratur?  Hu jaqtagħha li jnaqqas id-dejn ta’ min hu midjun ma’ sidu u hekk isir ħabib magħhom bit-tama li jkunu jistgħu jgħinuh meta s-sid ikeċċih.  L-ewwel kien jaħżen il-ġid għalih, issa qed jużah biex jitħabbeb ma’ min jista’ jgħinu aktar tard.  Fl-istess triq jisraq.  Allura Ġesù joffrielna tagħlima dwar l-użu tal-ġid: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex tagħhom (v. 9).  Jiġifieri li biex nirtu l-ħajja ta’ dejjem, m’hemmx għalfejn naħżnu l-ġid ta’ did-dinja, imma dak li jgħodd hu l-karità li nkunu għexna fir-relazzjonijiet ma’ ħutna.  Allura din hi l-istedina ta’ Ġesù: tużawx il-ġid ta’ did-dinja għalikom infuskom biss u għall-egoiżmu tagħkom, imma nqdew bih biex tiġġeneraw il-ħbiberija, biex toħolqu relazzjonijiet tajbin, biex timxu bil-karità, biex tmexxu ‘l quddiem il-fraternità u tieħdu ħsieb l-aktar dgħajfa.

Ħuti, fid-dinja tal-lum ukoll hemm stejjer ta’ korruzzjoni bħal dik tal-Evanġelju; imġieba diżonesta, politika inġusta, egoiżmi li jiddominaw l-għażliet tal-individwi tal-istituzzjonijiet, u tant aktar sitwazzjonijiet oskuri.  Imma aħna l-insara m’għandniex permess naqtgħu qalbna, jew, agħar, inħallu kollox jgħaddi, nibqgħu indifferenti.  Bil-maqlub, aħna msejħin biex inkunu kreattivi u nagħmlu l-ġid, bil-prudenza u l-astuzja tal-Evanġelju, billi nużaw il-ġid tad-dinja – mhux biss dak materjali, imma d-doni kollha li rċevejna mingħand il-Mulej – mhux biex nistgħanu aħna, imma biex niġġeneraw imħabba fraterna u ħbiberija soċjali.  Dan huwa importanti ħafna: bl-atteġġjament tagħna niġġeneraw il-ħbiberija soċjali.

Nitolbu lil Marija Santissma, tgħinna nkunu bħalha, foqra fl-ispirtu u għonja fil-karità ma’ xulxin.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Niżżi ħajr lil Alla għall-vjaġġ li għamilt fil-jiem li għaddew, fil-Kazakhstan, fl-okkażjoni tas-seba’ Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet dinjin u tradizzjonali.  Hu ħsieb tiegħi li nitkellem dwaru waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li ġej.

Jien imnikket ħafna minħabba l-ġlied reċenti bejn l-Azerbajġan u l-Armenia.  Nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi lejn il-familji tal-vittmi, u nħeġġeġ lill-partijiet biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, bl-għan li jintlaħaq ftehim ta’ paċi.  Ma ninsewx: il-paċi hi possibbli meta jisktu l-armi u jibda d-djalogu!  U nkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna u għall-paċi f’kull art imdemmija minħabba l-gwerra.

Nixtieq niżgura li qed nitlob għall-popolazzjonijiet tar-reġjun tal-Marche (fl-Italja) li ntlaqtu minn għarar vjolenti.  Nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom, għall-feruti u għal min ġarrab ħsarat kbar.  Il-Mulej jagħti l-qawwa lil dawk il-komunitajiet!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lir-Reliġjużi nisa ta’ Marija Immakulata ġejjin minn diversi komunitajiet madwar l-Afrika, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Ewropa; kif ukoll lill-fidili minn Siviglia u l-Grupp Sekulari s-Sinjura Tagħna taċ-Ċenaklu.

Insellem lill-grupp minn Caturano, mid-djoċesi ta’ Capua; lill-adoloxxenti minn Soliera (Modena); lill-membri tal-komunità “Ulied is-Sema”; lill-Pro Loco mir-reġjun ta’ Lazio u lill-grupp tat-tobba veterinarji mill-provinċja ta’ Verona, flimkien mal-familjari tagħhom.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ tal-“Economy di Francesco” li llum jinsabu hawn fil-pjazza: ibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiem!  Niltaqgħu dalwaqt f’Assisi.

Ħsieb speċjali jmur lejn il-foqra u l-volontarji “tad-Dar ta’ Żakkew”, minn Mesagne: il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci! 

Sors: laikos.org