Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju jirrakkuntalna miraklu partikolari ta’ Ġesù. Billejl, Hu jimxi fuq l-ilma tal-għadira tal-Galilija biex jiltaqa’ mad-dixxipli li qed jaqsmu min-naħa għall-oħra bid-dagħjsa (cfr (Mt 14, 22-33). Insaqsu: għaliex għamel hekk Ġesù? Biex jagħmel spettaklu? Le! Allura għaliex? Forsi minħabba xi ħtieġa urġenti u imprevedibbli, biex jgħin lil tiegħu li jinsabu mwaħħlin minħabba r-riħ kontra? Le, iżda għaliex kien Hu li fassal kollox, li qalilhom biex jitilqu billejl u saħansitra – jgħidilna t-test – “ġagħalhom” (cfr v. 22). Forsi biex juri kemm hu kbir u setgħan? Imma dan mhux l-istil tiegħu, stil tant sempliċi. Allura għaliex għamel hekk? Għaliex ried jimxi fuq l-ilma?
Fl-isfond tal-mixja fuq l-ilma hemm messaġġ moħbi, messaġġ li hu għalina li nifhmuh. Infatti, dak iż-żmien, il-firxiet kbar tal-ilma kienu jqisuhom postijiet fejn hemm il-forzi malinji li l-bniedem ma jistax jikkontrollahom; speċjalment jekk imqallbin minħabba t-tempesta, l-abbissi kienu simbolu tal-kaos u kienu jfakkru fid-dlamijiet tal-infern. Issa d-dixxipli jinsabu f’nofs l-għadira, fid-dlam: maħkumin mill-biża’ li se jgħerqu, li l-ħażen se jiblagħhom. U hawn jasal Ġesù miexi fuq l-ilma, jiġifieri fuq il-qawwa tal-ħażen, Hu jimxi fuq il-qawwiet tal-ħażen u lil tiegħu jgħidilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħux!” (v. 27). Dan hu messaġġ importanti li qed itina Ġesù. Dan hu s-sens tas-sinjal: il-qawwiet tal-ħażen, li jbeżżgħuna u li m’għandniex ħila nikkontrollawhom, ma’ Ġesù mill-ewwel inġarrfuhom. Meta jimxi fuq l-ilma irid jgħidilna: “Tibżgħux, jien nitfa’ taħt riġlejja l-għedewwa tiegħek” – messaġġġ sabiħ: “jien nitfa’ l-għedewwa tiegħek taħt riġlejja” – mhux lill-persuni! Mhux dawk l-għedewwa, iżda l-mewt, id-dnub, ix-xitan: dawn huma l-għedewwa tal-bnedmin, l-għedewwa tagħna. U lil dawn l-għedewwa Ġesù jisħaqhom taħt riġlejh għalina.
Illum Kristu jtenni lil kull wieħed u waħda minna: “Agħmel il-qalb, jien hawn, tibżax!”. Jiġiferi, kuraġġ għax hawn jien, m’għadekx waħdek fl-ilmijiet imqallba tal-ħajja. U alura x’nagħmlu meta nsibu ruħna f’baħar miftuħ nitħabtu mar-riħ kontrina? X’nagħmlu fil-biża’ li hu baħar miftuħ, meta nkunu naraw biss id-dlam u nħossuna mitlufin? Għandna nagħmlu żewġ affarijiet, dak li jagħmlu d-dixxipli fl-Evanġelju. X’jagħmlu d-dixxipli? Jinvokaw (isejħu) u jilqgħu lil Ġesù. Fil-waqtiet l-aktar koroħ, l-aktar mudlama, ta’ tempesta, insejħu lil Ġesù u nilqgħuh.
Id-dixxipli jsejħu lil Ġesù. Għal ftit Pietru jimxi fuq l-ilma lejn Ġesù, iżda mbagħad jibda jibża’, jegħreq u għalhekk jgħajjat: “Mulej, salvani!” (v. 30). Jinvoka lil Ġesù, isejjaħlu. U din hi talba sabiħa li permezz tagħha nuru li aħna ċerti li l-Mulej jista’jsalvana, li Hu jegħleb il-ħażen tagħna u l-biżgħat tagħna. Nistedinkom ittennuha issa lkoll flimken: Mulej, salvani! Flimkien, tlett darbiet: Mulej salvani, Mulej salvani, Mulej salvani!
Imbagħad id-dixxipli jilqgħu. L-ewwel isejħu, imbagħad jilqgħu lil Ġesù fid-dagħjsa. It-test jgħid li malli tela’ fuq id-dagħjsa “r-riħ waqaf” (v. 32). Il-Mulej jaf li d-dagħjsa tal-ħajja, l-itess bħad-dagħjsa tal-Knisja, mhedda mill-irjieħ kontra u li l-baħar li qed inbaħħru fih spiss ikun imqalleb. Hu ma jeħlisniex mit-tbatija tat-tbaħħir, anzi – l-Evanġleju jisħaq – jixpruna lil tiegħu biex jitilqu: jistedinna, cioè, biex naffrontaw id-diffikultajiet, sabiex dawn ukoll isiru mkejjen ta’ salvazzjoni, sabiex Ġesù jegħlibhom u jsiru okkażjonijiet fejn niltaqgħu miegħu. Infatti, fl-aktar waqtiet mudlama tagħna Hu jiġi jiltaqa’magħna, jitlobna nilqgħuh, bħal dakinhar fl-għadira.
Nistaqsu lilna nfusna għalhekk: fil-biżgħat, fid-diffikultajiet, kif inġib ruħi? Nitlaq għal rasi, bil-forzi tiegħi waħdi, jew insejjaħ lill-Mulej bil-fiduċja? U kif inhi sejra l-fidi tiegħi? Nemmen li Kristu hu qawwi aktar mill-mewġ jew mir-riħ kontra? Iżda fuq kollox, inbaħħar flimkien miegħu? Nilqgħu, nagħmillu wisa’ fid-dagħjsa ta’ ħajti – qatt waħdi, dejjem ma’ Ġesù -, inħallilu t-tmun f’idejh?
Marija. Omm Ġesù, Kewkba tal-baħar, tgħinna biex fil-vjaġġi mudlama tagħna nfittxu d-dawl ta’ Ġesù.
Sors: laikos.org