Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 15,21-28) jiddeskrivi l-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara Kangħanija.  Ġesù jinsab fit-tramuntana tal-Galileja, f’territorju stranġier, biex jibqa’, flimkien mad-dixxipli tiegħu, ftit imbiegħed mill-folol li dejjem kienu jfittxuh f’għadd jikber.  U hekkhu, tersaq mara titlob l-għajnuna għal bintha marida: “Ħenn għalija, Mulej!” (v. 22).  Hija l-karba li tinbet minn ħajja mmarkata bis-sofferenza, mis-sens ta’ impotenza ta’ omm li tara lil bintha tturmentata mill-gwaj u ma tistax tfejjaqha.  Għall-bidu Ġesù ma jagħtix kasha, imma din l-omm tinsisti, tinsisti anki meta l-Imgħallem jgħid lid-dixxipli li l-missjoni tiegħu “Mhix ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” (v. 24) u mhux għall-pagani.  Hi tkompli titkarrab u dak il-ħin Hu jgħaddiha minn prova meta jikkwotala proverbju – tidher donnha ħaġa krudila din -: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi” (v. 26).  U minnufih, il-mara tqum fuq tagħha u nkwetata twieġeb: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” (v. 27).

B’dal-kliem, din l-omm turi li fehmet li t-tjubija ta’ Alla l-Għoli, preżenti f’Ġesù, hi miftuha għal kull ħtieġa tal-kreaturi tiegħu.  Dan id-dehen mimli fiduċja jolqot il-qalb ta’ Ġesù tant li ġġagħalu jlissen kliem ta’ ammirazzjoni: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq” (v. 28).  Liema hi l-fidi kbira?  Il-fidi kbira hi dik li tieħu l-istorja tagħha, immarkata wkoll mil-ġrieħi, f’riġlejn il-Mulej u titolbu jfejjaqha, itiha sens.  Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna u mhux dejjem hi storja nadifa; bosta drabi hi storja diffiċli, b’ħafna niket, ħafna gwaj u ħafna dnubiet.  X’nagħmel jien bl-istorja tiegħi?  Naħbiha?  Le!  Għandna nqegħduha quddiem il-Mulej: “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni!”.  Dan tgħallimna dil-mara, din l-omm brava; il-kuraġġ li nqiegħdu l-istorja tan-niket tagħna quddiem Alla, quddiem Ġesù; immissu t-tenerezza ta’ Alla, it-tenerezza ta’ Ġesù.  Ejjew aħna nagħmlu prova ta’ din l-istorja, ta’ dit-talba: kulħadd jaħseb fl-istorja tiegħu.  Dejjem hemm l-affarijiet koroħ fl-istorja, dejjem.  Immorru għand Ġesù, inħabbtu fuq qalb Ġesù u ngħidulu: “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni!”.  U aħna nkunu nistgħu nagħmlu dan jekk quddiem għajnejna nżommu dejjem il-wiċċ ta’ Ġesù, jekk nifhmu kif inhi l-qalb ta’ Ġesù: qalb mimlija kumpassjoni, li ġġorr fiha n-niket tagħna, li ġġorr fiha dnubietna, l-iżbalji tagħna, il-fallimenti tagħna.

Imma hija qalb li tħobbna hekk, kif aħna, mingħajr irtokk.  “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni!”.  U għal dan jeħtieġ nifhmu  lil Ġesù, inkunu familjari ma’ Ġesù.  U ndur lejn il-parir li dejjem intikom: ġorru fuqkom dejjem kopja tal-Evanġelju li tidħol fil-but u aqraw silta kuljum.  Ħudu magħkom l-Evanġelju, fil-but, fil-handbag u anki fil-mowbajl, biex taraw lil Ġesù.  U hemm issibu lil Ġesù kif inhu, kif jippreżenta ruħu; issibu lil Ġesù li jħobbna ħafna, li jridilna ħafna ġid.  Niftakru t-talba: “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni!”.  Talba sabiha.  Il-Mulej jgħinna, lilna lkoll, biex intennu din it-talba sabiha li tgħallimna mara pagana: mhux nisranija, mhux lhudija, imma pagana.

Il-Verġni Marija tinteċedi għalina bit-talb tagħha biex f’kull imgħammed jisseddaq il-ferħ tal-fidi u x-xewqa li jgħaddieha lill-oħrajn bix-xhieda ta’ ħajja koerenti, biex ittina l-kuraġġ li nersqu lejn Ġesù u ngħidulu: “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni!”

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

qed inkompli nitlob għal-Libanu u għas-sitwazzjonijiet drammatiċi l-oħra fid-dinja li qed iġibu tbatija għan-nies.  Ħsiebi jdur ukoll lejn l-għażiża Bjelorussja.  Qed insegwi b’attenzjoni s-sitwazzjoni post-elettorali f’dal-pajjiż u nagħmel appell għad-djalogu, għaċ-ċaħda tal-vjolenza u r-rispett lejn il-ġustizzja u d-dritt.  Nafda lill-Bjelorussi kollha taħt il-protezzjoni tal-Madonna, reġina tal-paċi.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lir-reliġjużi brażiljani  li jinsabu hawn f’Ruma – b’ħafna bnadar – dawn ir-reliġjużi qed isegwu l-Ewwel Ġimgħa Nazzjonali tal-ħajja konsagrata, li qed tkun iċċelebrata fil-Brażil.  Il-ġimgħa tal-ħajja konsagrata t-tajba.  Ibqgħu mexjin!  Insellem ukoll lill-adoloxxenti kuraġġużi tal-Immakulata!

Dal-ġranet huma jiem ta’ btala: jalla jkunu jiem li jaħju l-ġisem, imma wkoll l-ispirtu permezz ta’ waqtiet dedikati għat-talb, għas-silenzju u għall-kuntatt rilassanti mas-sbuħija tan-natura, rigal ta’ Alla.  Dan m’għandux inessina l-problemi li hawn minħabba l-Covid: tant familji m’għandhomx xogħol, tilfuh u m’għandhomx x’jieklu.  Jalla ż-żmien ta’ mistrieħ tas-sajf ikun akkumpanjat mill-karità u l-qrubija lejn dawn il-familji.

Lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber