Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tagħna biex niskopru mill-ġdid il-passjoni għat-tħabbira tal-Vanġelu, biex naraw kif iż-żelu appostoliku, din il-passjoni biex jitħabbar il-Vanġelu, żviluppa fl-istorja tal-Knisja, f’din il-mixja llum qed inħarsu lejn il-kontinent Amerikan. Hawnhekk l-evanġelizzazzjoni għandha għajn dejjem ħajja: Guadalupe. Hija għajn ħajja. Il-Messikani qed jieħdu pjaċir! Ma għandniex xi ngħidu, il-Vanġelu kien wasal għandkom diġà qabel dawk id-dehriet, imma b’xorti ħażina kien ġie akkumpanjat ukoll minn interessi mondani. Flok it-triq tal-inkulturazzjoni, spiss kienet ġiet imterrqa dik mgħaġġla tat-trapjantar u l-impożizzjoni ta’ mudelli msawra sa minn qabel – Ewropej, ngħidu aħna – b’nuqqas ta’ rispett lejn il-popli indiġeni. Imma l-Verġni ta’ Guadalupe tidher liebsa l-ilbies tan-nies tal-post, titkellem l-ilsien tagħhom, tilqa’ u tħobb il-kultura tal-post: Marija hija Omm u taħt il-mant tagħha jsib postu kull iben. Fiha, Alla sar bniedem u, permezz ta’ Marija, jissokta jitlaħħam fil-ħajja tal-popli. Fil-fatt, il-Madonna tħabbar lil Alla fil-lingwa l-iżjed adatta, jiġifieri l-lingwa tal-post. U lilna wkoll il-Madonna tkellimna bil-lingwa tal-post, dik li aħna nifhmu tajjeb. Il-Vanġelu jgħaddi permezz tal-lingwa tal-post. U jien nixtieq ngħid grazzi lil tant ommijiet u lil tant nanniet li jgħadduh lill-ulied u lin-neputijiet: il-fidi tgħaddi mal-ħajja, u għalhekk l-ommijiet u n-nanniet huma l-ewwel ħabbara. Ċapċipa kbira lill-ommijiet u lin-nanniet! U l-Vanġelu, kif turina Marija, ngħadduh fis-sempliċità: il-Madonna dejjem tagħżel nies sempliċi, sew jekk fuq l-għolja tat-Tepeyac fil-Messiku u sew jekk f’Lourdes u f’Fatima: lilhom tkellem, tkellem lil kull wieħed u waħda, b’lingwaġġ adattat għal kulħadd, b’lingwaġġ li jinftiehem, bħal dak ta’ Ġesù.

Ejjew nieqfu mela fuq ix-xhieda ta’ San Juan Diego, li huwa l-messaġġier, huwa l-ġuvni, huwa l-indiġenu li rċieva r-rivelazzjoni ta’ Marija: il-messaġġier tal-Madonna ta’ Guadalupe. Huwa kien peruna umli, Indjos minn fost il-poplu: fuqu tistrieħ il-ħarsa ta’ Alla, li jħobb iwettaq l-għeġubijiet tiegħu permezz taċ-ċkejknin. Juan Diego kien daħal fil-fidi meta kien diġà adult u miżżewweġ. F’Diċembru 1531 kellu xi 55 sena. Huwa u miexi, jilmaħ fuq biċċa art għolja lil Omm Alla, li sejħitlu bi ħlewwa, u kif sejħitlu l-Madonna? “Iben ċkejken u l-aktar maħbub tiegħi Juanito” (Nican Mopohua, 23). Imbagħad tibagħtu għand l-Isqof biex jitolbu jibni tempju proprju hemm, fejn kienet dehret hi. Juan Diego, sempliċi u disponibbli, imur bil-ġenerożità tal-qalb safja tiegħu, imma kellu jdum jistenna. Fl-aħħar kellem lill-Isqof, imma ma emmnux. Xi drabi aħna l-Isqfijiet… Jiltaqa’ mill-ġdid mal-Madonna, li tfarrġu u titolbu jerġa’ jipprova. Huwa jerġa’ lura għand l-Isqof u wara ħafna taħbit jirnexxilu jerġa’ jiltaqa’ miegħu, imma dan, wara li jisimgħu, jibagħtu lura u warajh jibgħat xi rġiel isegwuh. Hawn hu t-taħbit, hawn hi l-prova tat-tħabbira: minkejja ż-żelu, jasal it-tfixkil imprevist, xi drabi mill-Knisja nfisha. Fil-fatt, biex inħabbru, mhux biżżejjed nagħtu xhieda ta’ x’inhu tajjeb, hemm bżonn inkunu nafu nissaportu l-ħażin. Ma ninsewhx dan: importanti ħafna li biex inħabbru l-Vanġelu mhux biżżejjed nagħtu xhieda tat-tajjeb, imma hemm bżonn inkunu nafu nissaportu l-ħażin. In-nisrani jagħmel it-tajjeb, imma jġarrab il-ħażin. It-tnejn imorru flimkien, hekk hi magħmula l-ħajja. Anki llum, f’tant postijiet, biex ninkulturaw il-Vanġelu u nevanġelizzaw il-kulturi hemm bżonn ta’ perseveranza u paċenzja, hemm bżonn li ma nibżgħux mill-kunflitti, ma naqtgħux jiesna. Qed jiġini f’moħħi pajjiż fejn l-Insara huma ppersegwitati, għax huma Nsara u ma jistgħux jipprattikaw ir-reliġjon tagħna tajjeb u fil-paċi. Juan Diego, qalbu maqtugħa, għax l-Isqof reġa’ bagħtu lura, jitlob lill-Madonna teħilsu minn dan u tqabbad lil xi ħadd iżjed stmat u kapaċi minnu, imma hu jiġi mistieden iżomm sod. Dejjem hemm ir-riskju li nċedu meta nkunu nħabbru: ħaġa ma tmurx sew u nduru lura, naqtgħu qalbna u nistkennu forsi fiċ-ċertezzi tagħna, fi gruppi żgħar u f’xi devozzjonijiet intimistiċi. Imma l-Madonna, waqt li tfarraġna, tridna nibqgħu mexjin u hekk tgħinna nikbru, bħal omm tajba li, waqt li ssegwi l-passi tal-iben, timbuttah biex jaffaċċja l-isfidi tad-dinja.

Juan Diego, b’kuraġġ ġdid, reġa’ lura għand l-Isqof li talbu sinjal. Il-Madonna twegħedhulu, u tfarrġu b’dawn il-kelmiet: “La ssewwidx qalbek: […] Forsi m’hawnx jiena hawn, l-omm tiegħek?” (ibid., 118-119). Kemm hi sabiħa, din, li l-Madonna tant drabi meta nħossuna mitlufin, imdejqin, f’diffikultà, dan tgħidu lilna wkoll, fil-qalb tagħna: “Forsi m’hawnx jiena hawn, l-omm tiegħek?”. Dejjem qrib tagħna biex tfarraġna u tagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin. Imbagħad titolbu jmur fil-quċċata niexfa tal-għolja biex jiġbor il-fjuri. Kienet ix-xitwa imma, minkejja dan, Juan Diego sab hemm fjuri sbieħ ħafna, xeħithom fil-mantell tiegħu u offriehom lil Omm Alla, li tistiednu jeħodhom lill-Isqof bħala prova. Hu jmur, jistenna li jmissu hu bis-sabar kollu, u fl-aħħar, quddiem l-Isqof, jiftaħ it-tilma tiegħu – li kienu jużaw l-indiġeni biex jitgħattew – jiftaħ it-tilma tiegħu u jurih il-fjuri, u ara: fuq id-drapp tal-mantell tidher ix-xbieha tal-Madonna, dik straordinarja u ħajja li nafu aħna, li f’għajnejha għadhom impressi l-protagonisti ta’ dakinhar. Din hi s-sorpriża ta’ Alla: meta hemm id-disponibbiltà, meta hemm l-ubbidjenza, hu jista’ jwettaq dak li ma jkunx mistenni, fil-ħinijiet u fil-modi li aħna ma nistgħux naraw. U hekk is-santwarju mitlub mill-Verġni jinbena u llum nistgħu nżuruh.

Juan Diego jħalli kollox u, bil-permess tal-Isqof, jiddedika ħajtu lis-santwarju. Jilqa’ l-pellegrini u jevanġelizzahom. Dan hu li jiġri fis-santwarji Marjani, destinazzjonijiet ta’ pellegrinaġġi u postijiet ta’ tħabbira, fejn kulħadd iħossu f’daru – għax hija d-dar tal-omm, hi d-dar tal-omm – u jħoss in-nostalġija għad-dar, jiġifieri n-nostalġija għall-post fejn hemm l-Omm, is-Sema. Hemm il-fidi nilqgħuha b’mod sempliċi, il-fidi nilqgħuha b’mod ġenwin, b’mod popolari, u l-Madonna, kif qalet lil Juan Diego, tisma’ l-biki tagħna u tikkura l-uġigħ tagħna (ara ibid., 32). Ejjew nitgħallmu dan: kemm hemm diffikultajiet fil-ħajja, immorru għand l-Omm; u meta l-ħajja hi hienja, immorru għand l-Omm biex naqsmu magħha dan ukoll. Għandna bżonn li ninġabru f’dawn l-oasijiet ta’ faraġ u ta’ ħniena, fejn il-fidi tesprimi ruħha fil-lingwa tal-post; fejn inqiegħdu t-taħbit tal-ħajja f’dirgħajn il-Madonna u nerġgħu nibdew ngħixu bis-sliem fil-qalb tagħna, forsi bis-sliem tat-tfal.

Sors: laikos.org