Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesu Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-laqgħat. 1. Nikomedu. “Jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid” (Ġw 3:7b)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
B’din il-katekeżi nibdew nikkontemplaw xi laqgħat li jirrakkontaw il-Vanġeli, biex nifhmu l-mod li bih Ġesù jagħtina t-tama. Fil-fatt, hemm laqgħat li jdawlu l-ħajja u jġibu t-tama. Jista’ jiġri, ngħidu aħna, li xi ħadd jgħinna naraw minn perspettiva differenti diffikultà jew problema li nkunu qed ngħixu; jew jista’ jiġri li xi ħadd jirregalalna sempliċiment kelma li ma tħalliniex inħossuna waħidna fit-tbatija li nkunu qed ngħixu. Xi drabi jista’ jkun hemm ukoll laqgħat silenzjużi, li fihom ma jingħad xejn, imma dawk il-mumenti jgħinuna nerġgħu naqbdu l-mixja.
L-ewwel laqgħa li fuqha nixtieq nieqaf hi dik ta’ Ġesù ma’ Nikodemu, irrakkontata fil-kapitlu 3 tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. Ħa nibda minn dan l-episodju għax Nikodemu hu raġel li, bl-istorja tiegħu, jurina li hu possibbli noħorġu mid-dalma u nsibu l-kuraġġ li nimxu wara Kristu.
Nikodemu jmur għand Ġesù billejl: ħin mhux tas-soltu għal laqgħa. Fil-lingwaġġ ta’ Ġwanni, ir-riferimenti għaż-żmien spiss għandhom valur simboliku: hawn il-lejl hu aktarx dak li hemm fil-qalb ta’ Nikodemu. Huwa raġel li jinsab fid-dalma tad-dubji, f’dik id-dalma li ngħixu meta ma nibqgħux nifhmu dak li qed iseħħ fil-ħajja tagħna u ma narawx tajjeb it-triq li rridu nimxu.
Jekk int tinsab fid-dlam, ovvjament qed tfittex id-dawl. U Ġwanni, fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu, jikteb hekk: “Dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (1:9). Nikodemu allura jfittex lil Ġesù għax fehem li hu jista’ jdawwal id-dalma tal-qalb tiegħu.
Madankollu, il-Vanġelu jirrakkontalna li Nikodemu ma rnexxilux jifhem dritt dak li qallu Ġesù. U hekk naraw li hemm ħafna affarijiet li jinftiehmu ħażin f’dan id-djalogu, u anki tant ironija, li hi karatteristika tal-evanġelista Ġwanni. Nikodemu ma jifhimx dak li jgħidlu Ġesù għax jibqa’ jaħseb bil-loġika tiegħu u l-kategoriji tiegħu. Huwa bniedem b’personalità definita sew, għandu rwol pubbliku, hu wieħed mill-kapijiet tal-Lhud. Imma aktarx ma għadux konvint. Nikodemu jħoss li xi ħaġa ma għadhiex taħdem sew fil-ħajja tiegħu. Iħoss il-bżonn li jinbidel, imma ma jafx mnejn jaqbad jibda.
F’xi partijiet tal-ħajja dan jiġri lilna lkoll. Jekk ma naċċettawx li ninbidlu, jekk ningħalqu fir-riġidità tagħna, fid-drawwiet tagħna jew fil-modi tagħna ta’ kif naħsbuha, nirriskjaw li mmutu. Il-ħajja qiegħda fil-kapaċità li ninbidlu biex insibu mod ġdid kif inħobbu. Fil-fatt Ġesù jkellem lil Nikodemu dwar twelid ġdid, li mhux biss huwa possibbli, imma saħansitra meħtieġ f’xi mumenti tal-mixja tagħna. Fil-verità, l-espressjoni użata fit-test diġà hi minnha nfisha ambivalenti, għax anōthen (ἄνωθεν) tista’ tiġi tradotta kemm “mill-għoli” u kemm “mill-ġdid”. Ftit ftit, Nikodemu jifhem li dawn iż-żewġ tifsiriet qegħdin flimkien: jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jnissel fina ħajja ġdida, nitwieldu mill-ġdid. Insibu mill-ġdid dik il-ħajja, li forsi fina kienet qed tintefa.
Għażilt li nibda b’Nikodemu anki għax hu bniedem li, bl-istess ħajja tiegħu, juri li din il-bidla hi possibbli. Nikodemu jirnexxilu: fl-aħħar hu kien fost dawk li marru għandu Pilatu biex jitolbuh il-ġisem ta’ Ġesù (ara Ġw 19:39)! Nikodemu sa fl-aħħar ġie għad-dawl, reġa’ twieled mill-ġdid, u ma għadx għandu bżonn li joqgħod fil-lejl.
Xi drabi l-bidliet ibeżżgħuna. Minn naħa jiġbduna, xi drabi nixtequhom, imma min-naħa l-oħra nippreferu nibqgħu fil-kumditajiet tagħna. Għalhekk l-Ispirtu jinkuraġġina biex naffrontaw dawn il-biżgħat. Ġesù jfakkar lil Nikodemu – li hu mgħallem f’Iżrael – li anki l-Iżraelin beżgħu huma u mexjin fid-deżert. U tant iffissaw fuq il-preokkupazzjonijiet tagħhom li f’ċertu punt dawk il-biżgħat ħadu l-għamla ta’ sriep velenużi (ara Num 21:4-9). Biex jiġu meħlusa, kellhom iħarsu lejn is-serp tal-bronż li Mosè kien poġġa fuq arblu, kellhom allura jerfgħu ħarsithom u joqogħdu quddiem l-oġġett li kien jirrappreżenta l-biżgħat tagħhom. Huwa biss meta nħarsu f’wiċċ dak li jbeżżagħna, li nistgħu nibdew niġu meħlusa.
Nikodemu, bħalna lkoll, jista’ jħares len il-Kurċifiss, dak li rebaħ fuq il-mewt, l-għerq tal-biżgħat kollha tagħna. Nerfgħu aħna wkoll ħarsitna lejn Dak li nifdu, inħallu li aħna wkoll niltaqgħu ma’ Ġesù. Fih insibu t-tama biex naffrontaw il-bidliet tal-ħajja tagħna u nitwieldu mill-ġdid.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard