Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-vizzji u l-virtujiet, illum nieqfu fuq vizzju pjuttost ikrah, id-diqa, jiġifieri t-taqtigħ ta’ qalb, li spiss iħabbat lill-bniedem u jżommu milli jġarrab il-ferħ tal-ħajja.

Qabelxejn irridu ninnutaw li, dwar id-diqa, il-Missirijiet tal-Knisja kienu elaboraw distinzjoni importanti. Fil-fatt hemm diqa li għandha postha fil-ħajja Nisranija u li bil-grazzja ta’ Alla tinbidel f’ferħ: din, ovvjament, ma għandniex niċħduha u tagħmel parti mill-mixja ta’ konverżjoni. Imma hemm ukoll it-tieni għamla ta’ diqa li tindiehes fir-ruħ u tixħitha fi stat kontinwu ta’ taqtigħ il-qalb: hi din it-tieni għamla ta’ diqa li għandna nikkumbattulha b’rieda soda u bil-qawwa kollha, għax din ġejja mill-Ħażin. Din id-distinzjoni nsibuha wkoll f’San Pawl, li meta jikteb lill-Korintin jgħidilhom hekk: “Swied il-qalb kif irid Alla jnissel l-indiema għas-salvazzjoni, li minnha ħadd ma jibdielu; imma swied il-qalb kif trid id-dinja jwassal għall-mewt” (2 Kor 7:10).

Mela hemm diqa li hi ħabiba tagħna, li twassalna għas-salvazzjoni. Ejjew naħsbu fl-iben il-ħali tal-parabbola: meta jmiss il-qiegħ tal-ħama li fih niżel, hu jħoss imrar kbir f’qalbu, u dan iwasslu biex jidħol fih innifsu u jiddeċiedi li jerġa’ lura fid-dar ta’ missieru (ara Lq 15:11-20). Hija grazzja li noqogħdu nibku dnubietna, niftakru fl-istat ta’ grazzja li minnu waqajna, nibku għax tlifna s-safa li Alla ħolom għalina.

Imma hemm it-tieni diqa, li mill-banda l-oħra hi marda tar-ruħ. Tinbet fil-qalb tal-bniedem meta tgħiblu xewqa jew tama. Hawn nistgħu nsemmu r-rakkont taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Dawk iż-żewġ dixxipli jħallu Ġerusalemm qalbhom maqtugħa, u lill-barrani li f’ċertu punt jibda miexi magħhom jaqsmu miegħu dan: “Aħna konna nittamaw li hu”, jiġifieri Ġesù, “kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” (Lq 24:21). Id-dinamika tas-swied il-qalb hi marbuta mal-esperjenza tat-telfa. Fil-qalb tal-bnedmin jinbtu tamiet li xi drabi jiġu delużi. Tista’ tkun ix-xewqa li jkollhom xi ħaġa li mbagħad ma jirnexxilhomx jiksbuha; imma anki xi ħaġa importanti, bħal telfa ta’ xi ħadd li jħobbu. Meta jseħħ dan, bħal donnha l-qalb tal-bniedem tkun waqgħet f’abbiss, u s-sentimenti li jħoss ikunu ta’ qtigħ il-qalb, spirtu dgħajjef, dipressjoni, dwejjaq. Ilkoll ngħaddu minn provi li jġibu fina diqa, għax il-ħajja ġġagħalna noħolmu affarijiet li mbagħad isirulna suf. F’din is-sitwazzjoni, xi ħadd, wara żmien ta’ tiġrib, jirrikorri għat-tama; imma oħrajn jingħalqu fil-malinkonija, u jħalluha tikkankra lill-qalb. Hemm xi pjaċir f’dan? Araw: id-diqa hi bħall-pjaċir tal-mhux-pjaċir; qisha meta tieħu karamella morra, bla zokkor, ħażina, u toqgħod tomgħod dik il-karamella. Id-diqa hi pjaċir tal-mhux-pjaċir.

Il-monaku Evagriju jirrakkonta li l-vizzji kollha jimmiraw lejn pjaċir, hu kemm hu ħaġa li ttir mar-riħ, waqt li d-diqa tgawdi billi tagħmel il-maqlub: toqgħod tiggosta tbatija bla tmiem. Ċerti lutti li jtulu wisq, fejn persuni tibqa’ tkabbar il-vojt ta’ min m’għadux iżjed magħna, mhumiex ġejjin mill-ħajja fl-Ispirtu. Ċerta korla qalila, fejn persuna dejjem ħsiebha biex tiġbed lejha u tilbes l-ilbies ta’ vittma, ma tipproduċix fina ħajja sana, u wisq inqas Kristjana. Hemm xi ħaġa fil-passat ta’ kulħadd li għandha bżonn tal-fejqan. Id-diqa, minn emozzjoni naturali tista’ tinbidel fi stat ħażin tar-ruħ. 

Hu xitan li jaħdem minn taħt, dan tad-diqa. Il-Missirijiet tad-deżert ifissruh bħal dudu tal-qalb, li jiekol u jbattal lil min laqgħu. Din ix-xbieha hi sabiħa, għax tagħtina spjega. U allura x’għandi nagħmel meta nkun imdejjaq? Ieqaf u ara: din hi diqa tajba? Jew hi diqa li ma tantx hi tajba? U rreaġixxi skont in-natura tad-diqa. Tinsewx li d-diqa tista’ tkun ħaġa kerha ħafna li twassalna għall-pessimiżmu, twassalna għal egoiżmu li diffiċilment jitfejjaq.

Ħuti, irridu noqogħdu attenti minn din id-diqa u naħsbu kif Ġesù jġibilna l-ferħ tal-qawmien. Tkun kemm tkun mimlija b’kuntrarju l-ħajja, u b’xewqat li ma seħħux, b’ħolm li ma twettaqx, bi ħbiberija mitlufa, grazzi għall-qawmien ta’ Ġesù aħna nistgħu nemmnu li kollox se jiġi salvat. Ġesù ma qamx mill-mewt biss għalih innifsu, imma għalina wkoll, biex jifdi l-ferħ kollu li fil-ħajja tagħna baqa’ mhux sħiħ. Il-fidi tkeċċi ’l hemm il-biża’, u l-qawmien ta’ Kristu jwarrab id-diqa l-istess bħall-ġebla ta’ quddiem il-qabar. Kull ġurnata tan-Nisrani hi taħriġ fil-qawmien. Georges Bernanos, fir-rumanz ċelebri tiegħu Djarju ta’ kurat tal-kampanja, ipoġġi dan il-kliem fuq fomm il-kappillan ta’ Torcy: “Il-Knisja għandha f’idejha l-ferħ, dak il-ferħ kollu riservat għal din id-dinja mnikkta. Dak li għamiltu kontriha, għamiltuh kontra l-ferħ”. U kittieb ieħor Franċiż, León Bloy, ħallielna dik il-frażi stupenda: “Ma hemmx ħlief diqa waħda, […] dik li ma nkunux qaddisin”. Jalla l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt jgħinna negħlbu d-diqa permezz tal-qdusija.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard