Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se naqbeż il-katekeżi tas-soltu u nixtieq nieqaf magħkom biex naħsbu fuq il-persuni li – anki f’dan il-mument – qed jaqsmu ibħra u deżerti biex jilħqu art fejn jistgħu jgħixu fis-sliem u s-sigurtà.
Baħar u deżert: dawn iż-żewġ kelmiet nerġa’ nsibhom f’tant xhieda li nirċievi, kemm min-naħa ta’ migranti, kemm ta’ persuni li jħabirku biex jgħinuhom. U meta ngħid “baħar”, fil-kuntest tal-migrazzjonijiet, qed nifhem ukoll oċean, għadira, xmara, il-mases kollha perikolużi ta’ ilma li tant ħutna f’kull rokna tad-dinja jkollhom jaqsmu biex jilħqu d-destinazzjoni tagħhom. U “deżert” mhuwiex biss dak tar-ramel, jew dak tal-blat, imma huma wkoll it-territorji kollha diffiċli u perikolużi, bħall-foresti, il-ġungli, l-isteppi fejn il-migranti jimxu waħidhom, mitluqa għalihom waħidhom. Migranti, baħar u deżert. Ir-rotot migratorji tal-lum spiss huma mmarkati minn qsim ta’ ibħra u deżerti, li għal ħafna, wisq persuni – wisq! –, jispiċċaw kawża ta’ mewt. Għalhekk illum nixtieq nieqaf fuq din it-traġedja, din it-tbatija. Xi wħud minn dawn ir-rotot nafuhom aħjar, għax spiss jiġu għall-attenzjoni tagħna; oħrajn, il-parti l-kbira, ftit li xejn huma magħrufa, imma mhumiex b’daqshekk inqas imħaddma.
Dwar il-Mediterran tkellimt ħafna drabi, għax jiena Isqof ta’ Ruma u għax hu emblematiku: il-mare nostrum, post ta’ komunikazzjoni bejn popli u ċiviltajiet, sar ċimiterju. U t-traġedja hi li ħafna, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mejta, setgħu jiġu salvati. Dan irridu ngħiduh b’mod ċar: hemm min qed jaħdem b’mod sistematiku u b’kull mezz biex iżomm barra lill-migranti – biex iżomm barra lill-migranti. U dan, meta jsir b’mod konxju u b’responsabbiltà, huwa dnub gravi. Ma ninsewx dak li tgħid il-Bibbja: “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux” (Eż 22:20). L-iltim, l-arma u l-barrani huma l-foqra per eċċellenza li Alla dejjem jiddefendi u jitlobna niddefendu.
Anki xi deżerti, b’xorti ħażina, qed isiru ċimiterji ta’ migranti. U hawn ukoll spiss m’aħniex nitkellmu fuq imwiet “naturali”. Le. Xi drabi fid-deżert ħaduhom oħrajn u telquhom hemm. Ilkoll rajnieh dak ir-ritratt tal-mara u l-bint ta’ Pato, li mietu bil-ġuħ u l-għatx fid-deżert. Fl-epoka tas-satelliti u tad-drones, hemm irġiel, nisa u tfal migranti li ħadd ma għandu jara: qed jaħbuhom. Alla biss jarahom u jisma’ l-karba tagħhom. U din hi kefrija taċ-ċiviltà tagħna.
Fil-fatt, il-baħar u d-deżert huma wkoll postijiet bibliċi mimlija valur simboliku. Huma xenarji importanti ħafna fl-istorja tal-eżodu, il-migrazzjoni l-kbira tal-poplu mmexxi minn Alla permezz ta’ Mosè mill-Eġittu għall-Art Imwiegħda. Dawn il-postijiet jassistu għat-traġedja tal-ħarba tal-poplu, li jaħrab mill-oppressjoni u l-jasar. Huma postijiet ta’ tbatija, ta’ biża’, ta’ disperazzjoni, imma fl-istess waqt huma postijiet ta’ passaġġ lejn il-ħelsien – u kemm persuni qed jgħaddu minn ibħra u deżerti biex jiksbu l-libertà, illum –, huma postijiet ta’ passaġġ għall-fidwa, biex jaslu għall-ħelsien u hekk jitwettqu l-wegħdiet ta’ Alla (ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat 2024).
Hemm Salm li, waqt li jdur lejn Alla, jgħid: “Triqtek fuq il-baħar, / fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek” (77:20). U ieħor li jgħanni hekk: “Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, / għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (136:16). Dawn il-kelmiet qaddisa jgħidulna li, biex isieħeb lill-poplu fil-mixja tal-ħelsien, Alla stess jaqsam il-baħar u d-deżert; Alla ma jibqax imbiegħed, le, imma jaqsam fit-traġedja tal-migranti, Alla jinsab magħhom, mal-migranti, ibati magħhom, mal-migranti, jibki u jittama magħhom, mal-migranti. Nagħmlu tajjeb illum li naħsbu ftit: il-Mulej jinsab mal-migranti tagħna fil-mare nostrum, il-Mulej jinsab magħhom, mhux ma’ dawk li ma jilqgħuhomx.
Ħuti, fuq ħaġa waħda nistgħu nkunu lkoll kelma waħda: f’dawk l-ibħra u f’dawk id-deżerti li jġibu l-mewt, il-migranti tal-lum ma messhomx ikunu – u hemm ħafna minnhom, b’xorti ħażina. Imma mhuwiex permezz ta’ liġijiet li jirrestrinġu iżjed, mhuwiex bil-militarizzazzjoni tal-fruntieri, mhuwiex billi ma nħallux lil min jidħol, li se niksbu dan ir-riżultat. Imma niksbuh billi nwessgħu t-toroq ta’ aċċess sigur u t-toroq ta’ aċċess regolari għall-migranti, u hekk niffaċilitaw il-kenn għal min qed jaħrab minn gwerer, mill-vjolenzi, mill-persekuzzjonijiet u minn tant diżastri naturali; niksbuh billi niffavorixxu b’kull mod governanza globali tal-migrazzjonijiet imsejsa fuq il-ġustizzja, fuq il-fratellanza u fuq is-solidarjetà. U billi ngħaqqdu l-forzi tagħna flimkien biex neħduha kontra t-traffikar ta’ essri umani, biex inwaqqfu t-traffikanti kriminali li bla ħniena ta’ xejn qed jisfruttaw il-miżerja ta’ ħaddieħor.
Għeżież ħuti, naħsbu ftit f’tant traġedji tal-migranti: kemm qed imutu fil-Mediterran. Aħsbu ftit f’Lampedusa, fi Crotone… kemm ħwejjeġ koroh u ta’ swied il-qalb. U nixtieq nagħlaq billi nirrikonoxxi u nfaħħar l-impenn ta’ tant Samaritani tajba, li jħabirku biex jgħinu u jsalvaw il-migranti feruti u abbandunati fir-rotot ta’ tama ddisprata, fil-ħames kontinenti. Dawn l-irġiel u nisa qalbiena huma sinjal ta’ umanità li ma tħallix li tiddakkar mill-kultura ħażina tal-indifferenza u tal-iskart: dak li joqtol il-migranti hu l-indifferenza tagħna u dak l-atteġġjament ta’ skart. U min ma jistax ikun bħalhom “fuq quddiem” – qed naħseb f’tant nies bravi li jinsabu hemm fuq quddiem, fil-Mediterranea Saving Humans u tant assoċjazzjonijiet oħra –, b’daqshekk mhuwiex eskluż minn din it-taqbida ta’ ċiviltà: aħna ma nistgħux inkunu fuq quddiem, imma xorta ma aħniex esklużi; hemm tant modi kif nistgħu nagħtu sehemna, qabelxejn bit-talb. U lilkom nistaqsikom: intom titolbu għall-migranti, għal dawk li ġejjin fl-artijiet tagħna biex isalvaw ħajjithom? U “intom” tridu tkeċċuhom.
Għeżież ħuti, ejjew ngħaqqdu l-qlub u l-forzi tagħna flimkien, biex l-ibħra u d-deżerti ma jkunux ċimiterji, imma spazji fejn Alla jista’ jiftaħ toroq ta’ libertà u ta’ fraternità.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard