Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

“Għalfejn il-Liġi?” (Gal 3:19). Din hi l-mistoqsija li, bħal San Pawl, irridu ninżlu iktar fil-fond tagħha llum, biex nagħrfu l-karattru ġdid tal-ħajja Nisranija mmexxija mill-Ispirtu s-Santu. Imma jekk hemm l-Ispirtu s-Santu, jekk  hemm Ġesù li fdiena, għaliex hemm bżonn tal-Liġi? Fuq dan jeħtieġ nirriflettu llum. L-Appostlu jikteb: “Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi” (Gal 5:18). Imma l-kritiċi ta’ Pawlu kienu jsostnu li l-Galatin kellhom jimxu mal-Liġi biex isalvaw. Marru pass lura. Kienu bħal nostalġiċi ta’ żminijiet oħra, taż-żminijiet qabel Ġesù Kristu. L-Appostlu xejn ma jaqbel ma’ dan. Mhux hekk kien baqa’ mal-Appostli l-oħra f’Ġerusalemm. Hu jiftakarhom tajjeb il-kelmiet ta’ Pietru meta qal: “Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh?” (Atti 15:10). Id-dispożizzjonijiet li ħarġu minn dak l-“ewwel konċilju” – l-ewwel konċilju ekumeniku kien dak ta’ Ġerusalemm u d-dispożizzjonijiet li ħarġu minn dak il-konċilju kienu ċari ħafna, u kien jgħidu: “Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin” (Atti 15:28-29). Xi ħwejjeġ li kienu jmissu l-qima lejn Alla, l-idolatrija u kienu jmissu wkoll il-mod ta’ kif wieħed jifhem il-ħajja ta’ dak iż-żmien.

Meta Pawlu jitkellem fuq il-Liġi, normalment qed jirreferi għal-Liġi Możajka, għal-Liġi ta’ Mosè, għall-Għaxar Kmandamenti. Din kienet f’relazzjoni mal-Patt li Alla kien waqqaf mal-poplu tiegħu, mixja biex iħejji għal dan il-Patt. Skont diversi testi tat-Testment il-Qadim, it-Torah – li hu t-terminu Lhudi li jindika l-Liġi – hu l-ġabra ta’ dawk il-preskrizzjonijiet u normi kollha li l-Lhud għandhom josservaw, minħabba fil-Patt ma’ Alla. Ġabra tajba fil-qosor ta’ x’inhu t-Torah nistgħu nsibuha f’dan it-test tad-Dewteronomju li jgħid hekk: “U l-Mulej, Alla tiegħek, ifawrek bil-ġid f’kulma jagħmlu idejk, fil-frott ta’ ġufek, fil-frott tal-bhejjem tiegħek, fil-frott ta’ artek; għax jerġa’ l-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, bħalma kien jifraħ b’missirijietek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha” (30:9-10). L-osservanza tal-Liġi kienet tiggarantixxi lill-poplu l-ġid li joħroġ mill-Patt u kienet tiggarantixxi r-rabta partikulari ma’ Alla. Dan il-poplu, dawn in-nies, dawn il-persuni, huma marbutin ma’ Alla u juru din l-għaqda ma’ Alla fit-twettiq, fl-osservanza tal-Liġi. Bil-Patt tiegħu ma’ Iżrael, Alla kien offrielu t-Torah, il-Liġi, biex seta’ jifhem ir-rieda tiegħu u jgħix fil-ġustizzja. Jekk f’dak iż-żmien kien hemm bżonn ta’ Liġi hekk, din kienet don kbir li Alla ta lill-poplu tiegħu, għaliex? Għax f’dak iż-żmien kien hemm il-paganiżmu ma’ kullimkien, l-idolatrija ma’ kullimkien u l-imġibiet umani li kienu jiġu mill-idolatrija, u għalhekk id-don kbir ta’ Alla lill-poplu tiegħu huwa l-Liġi biex jimxu ’l quddiem. Kemm-il darba, fuq kollox fil-kotba tal-profeti, naraw li n-nuqqas ta’ osservanza tal-preċetti tal-Liġi kien ifisser veru tradiment tal-Patt, u kien iqanqal il-korla ta’ Alla. Ir-rabta bejn Patt u Liġi kienet hekk kbira li ż-żewġ realtajiet ma stajtx tifridhom minn xulxin. Il-Liġi hija l-espressjoni li persuna, poplu jinsab f’patt ma’ Alla.

Fid-dawl ta’ dan kollu faċli nifhmu li dawk il-missjunarji li kienu ndiehsu qalb il-Galatin kellhom ftit raġun isostnu li l-ubbidjenza tal-Patt kienet iġġib magħha wkoll l-osservanza tal-Liġi ta’ Mosè, hekk kif kienet f’dak iż-żmien. Madankollu, proprju fuq dan il-punt nistgħu nagħrfu l-intelliġenza spiritwali ta’ San Pawl u l-intuwizzjonijiet kbar li hu esprima, imwieżen mill-grazzja li rċieva għall-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni.

L-Appostlu jfisser lill-Galatin li, fir-realtà, il-Patt ma’ Alla u l-Liġi ta’ Mosè mhumiex marbutin b’mod li ma jinfiridx. L-ewwel element li fuqu jisħaq hu li l-Patt imwaqqaf minn Alla ma’ Abraham kien mibni fuq il-fidi fit-twettiq tal-wegħda u mhux fuq l-osservanza tal-Liġi, li kienet għadha ma teżistix. Abraham beda l-mixja tiegħu sekli qabel il-Liġi. Jikteb l-Appostlu: “Jien dan ngħid: Liġi, li ġiet erba’ mija u tletin sena wara [ma’ Mosè], ma tistax tħassar patt, magħmul kif imiss minn Alla [ma’ Abraham], b’mod li ġġib fix-xejn il-wegħda. Għax jekk il-wirt ġej bis-saħħa tal-Liġi, mela ma jkunx bis-saħħa tal-wegħda; iżda kien bis-saħħa tal-wegħda li Alla ta l-grazzja lil Abraham” (Gal 3:17-18). Il-wegħda ġiet qabel il-Liġi u l-wegħda lil Abraham, imbagħad ġiet il-liġi 430 sena wara. Il-kelma “wegħda” hi importanti ħafna: il-poplu ta’ Alla, aħna l-Insara, fil-ħajja nimxu nħarsu lejn wegħda; il-wegħda hi sewwasew dak li jiġbidna, jiġbidna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-laqgħa tagħna mal-Mulej.

B’dan ir-raġunament, Pawlu laħaq l-ewwel għan tiegħu: il-Liġi mhijiex fil-bażi tal-Patt għax hi ġiet aktar tard, kienet meħtieġa u ġusta, imma qabilha kien hemm il-wegħda, il-Patt.

Argumentazzjoni bħal din iġġib fix-xejn lil dawk li jsostnu li l-Liġi ta’ Mosè hi parti kostituttiva mill-Patt. Le, il-Patt ġie qabel, hu s-sejħa lil Abraham. It-Torah, il-Liġi allura, mhux inkluż fil-wegħda magħmula lil Abraham. Madankolu, ma rridux imbagħad naħsbu li San Pawl kien kontra l-Liġi ta’ Mosè. Le, kien josservaha. Iżjed minn darba, fl-Ittri tiegħu, jiddefendi l-oriġni divina tagħha u jsostni li għandha rwol preċiż fl-istorja tas-salvazzjoni. Imma l-Liġi ma tagħtix il-ħajja, ma toffrix il-milja tal-wegħda, għax ma tistax tagħmlu dan. Il-Liġi hija triq li tmexxik ’il quddiem lejn il-laqgħa. Pawlu juża kelma importanti ħafna, il-Liġi hija l-“pedagogu” tagħna lejn Kristu, il-pedagogu lejn il-fidi fi Kristu, jiġifieri l-għalliema li taqbadlek idejk u twasslek għal-laqgħa. Min qed ifittex il-ħajja għandu bżonn iħares lejn il-wegħda u lejn it-twettiq tagħha fih Kristu.

Għeżież, din l-ewwel espożizzjoni tal-Appostlu lill-Galatin tippreżenta l-element radikali ġdid tal-ħajja Nisranija: dawk kollha li għandhom il-fidi f’Ġesù Kristu huma msejħin jgħixu fl-Ispirtu s-Santu, li jeħlisna mil-Liġi u fl-istess waqt iwassalha għall-milja tagħha skont il-kmandament tal-imħabba. Dan importanti ħafna, il-Liġi twassalna għand Ġesù. Imma hemm min forsi jgħidli: “Imma, Dun, ħaġa waħda: dan ifisser li jekk jien nitlob il-Kredu m’għandix għalfejn nosserva l-Kmandamenti?”. Le, il-Kmandamenti għandhom attwalità fis-sens li huma “pedagogi” li jwassluk għal-laqgħa ma’ Kristu. Imma jekk int twarrab għall-ġenb il-laqgħa ma’ Ġesù u terġa’ tibda tagħti iktar importanza lill-Kmandamenti, dan mhuwiex sew. U proprju din kienet il-problema ta’ dawn il-missjunarji fundamentalisti li ndiehsu qalb il-Galatin biex iħawdulhom moħħhom. Il-Mulej jgħinna nimxu fit-triq tal-Kmandamenti, imma b’ħarsitna lejn l-imħabba ta’ Kristu, lejn il-laqgħa tagħna ma’ Kristu, għax nafu li l-laqgħa ma’ Ġesù hi iżjed importanti mill-Kmandamenti kollha.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard