Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tagħna biex nifhmu aħjar it-tagħlim ta’ San Pawl, illum se niltaqgħu ma’ tema diffiċli imma importanti, dik tal-ġustifikazzjoni. X’inhi l-ġustifikazzjoni? Aħna, minn midinba, sirna ġusti. Min għamilna ġusti? Dan il-proċess ta’ bidla huwa l-ġustifikazzjoni. Aħna, quddiem Alla, aħna ġusti. Huwa minnu, għandna d-dnubiet personali tagħna, imma fl-aħħar mill-aħħar aħna ġusti. Din hi l-ġustifikazzjoni. Ġie diskuss ħafna fuq dan l-argument, biex tinstab l-aktar interpretazzjoni li taqbel mal-ħsieb tal-Appostlu u, kif jiġri ta’ spiss, kien hemm ukoll pożizzjonijiet kontra xulxin. Fl-Ittra lil-Lhud, kif ukoll f’dik lir-Rumani, Pawlu jisħaq fuq il-fatt li l-ġustifikazzjoni ġejja mill-fidi fi Kristu. “Imma, jiena ġust għax nobdi l-Kmandamenti kollha!”. Iva, imma mhux minn hemm li tiġik il-ġustifikazzjoni, dik tiġi qabel: hemm xi ħadd li ġġustifikak, xi ħadd li għamlek ġust quddiem Alla. “Iva, imma jiena midneb!”. Iva, għandek raġun, midneb, imma fl-aħħar mill-aħħar inti ġust. Min għamlek ġust? Ġesù Kristu. Din hija l-ġustifikazzjoni.

X’hemm moħbi wara l-kelma “ġustifikazzjoni”, li hi tant deċiżiva għall-fidi? Mhux faċli naslu għal definizzjoni sħiħa, imma fil-ġabra flimkien tal-ħsieb ta’ San Pawl nistgħu sempliċiment ngħidu li l-ġustifikazzjoni hija l-konsegwenza tal-“ħniena ta’ Alla li toffri l-maħfra” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1990). U dan hu Alla tagħna, hekk twajjeb, ħanin, paċenzjuż, mimli ħniena, li kontinwament jagħtina l-maħfra, kontinwament. Hu jaħfer, u l-ġustifikazzjoni hija Alla li jaħfer sa mill-bidu lil kulħadd, fi Kristu. Il-ħniena ta’ Alla li tagħti l-maħfra. Fil-fatt, Alla, permezz tal-mewt ta’ Ġesù – u dan irridu nagħfsu fuqu: permezz tal-mewt ta’ Ġesù – qered id-dnub u tana darba għal dejjem il-maħfra u s-salvazzjoni. Iġġustifikati b’dan il-mod, il-midinbin huma milqugħa minn Alla u mħabbin miegħu. Hu bħal ritorn għar-relazzjoni oriġinali bejn il-Ħallieq u l-ħlejqa, qabel ma daħlet id-diżubbidjenza tad-dnub. Il-ġustifikazzjoni li jagħmel Alla, għalhekk, tħallina nerġgħu nsibu l-innoċenza li tlifna bid-dnub. Kif isseħħ il-ġustifikazzjoni? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tfisser l-iskoperta ta’ xi ħaġa oħra ġdida fit-tagħlim ta’ San Pawl: li l-ġustifikazzjoni sseħħ bil-grazzja. Bil-grazzja biss: aħna ġejna ġġustifikati bi grazzja pura. “Imma jien ma nistax, kif jagħmel xi ħadd, immur għand l-imħallef u nħallsu biex jagħmilli ħaqq?”. Le, hawnhekk ma tistax tħallas, għax diġà ħallas wieħed għalina lkoll: Kristu. U minn Kristu li miet għalina tiġi dik il-grazzja li l-Missier jagħti lil kulħadd: il-ġustifikazzjoni sseħħ bi grazzja.

L-Appostlu dejjem għandu quddiem għajnejh l-esperjenza li bidlitlu ħajtu: il-laqgħa ma’ Ġesù rxoxt fit-triq ta’ Damasku. Pawlu kien bniedem kburi, reliġjuż, żelanti, konvint li fl-osservanza skrupluża tal-preċetti hemm il-ġustizzja. Issa, imma, ġie mirbuħ minn Kristu, u l-fidi fih bidlitu fil-fond ta’ qalbu, u ppermettietlu jiskopri verità li sa dakinhar kienet għadha moħbija: m’aħniex aħna li bl-isforzi tagħna se nsiru ġusti, le: mhux aħna; imma hu Kristu bil-grazzja tiegħu li jagħmilna ġusti. Allura Pawlu, biex ikollu għarfien sħiħ tal-misteru ta’ Ġesù, kien lest jiċħad dak kollu li qabel kien għani bih (ara Fil 3:7), għax issa skopra li l-grazzja ta’ Alla waħidha hi li salvatu. Aħna ġejna ġġustifikati, ġejna salvati bi grazzja pura, u mhux b’xi merti tagħna. U dan jimliena b’fiduċja kbira. Aħna midinbin, iva; imma mexjin fit-triq tal-ħajja b’din il-grazzja ta’ Alla li tiġġustifikana kull darba li aħna nitolbu maħfra. Imma mhuwiex f’dak il-mument li tiġġustifikana: aħna diġà ġġustifikati, imma jiġi jaħfrilna mill-ġdid.

Għall-Appostlu l-fidi għandha valur li jiġbor kollox taħtu. Tmiss kull mument u kull aspett tal-ħajja ta’ min jemmen: mill-Magħmudija sat-tluq minn din l-art, kollox hu mgħaddas fil-fidi fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, li jagħti s-salvazzjoni. Il-ġustifikazzjoni bil-fidi tagħfas fuq il-prijorità tal-grazzja, li Alla joffri lil dawk kollha li jemmnu fl-Iben tiegħu mingħajr ebda distinzjoni.

Imma allura ma nistgħux nikkonkludu li għal Pawlu l-Liġi ta’ Mose ma kellhiex iżjed valur; anzi, hi tibqa’ don irrevokabbli ta’ Alla, u – jikteb l-Appostlu – “qaddisa” (Rum 7:12). Imqar għall-ħajja spiritwali tagħna hu essenzjali li nosservaw il-Kmandamenti, imma anki f’dan ma nistgħux inserrħu fuq il-forzi tagħna: hi fundamentali l-grazzja ta’ Alla li nirċievu fi Kristu, dik il-grazzja li tiġina mill-ġustifikazzjoni li tana Kristu, li diġà ħallas għalina. Minnu nirċievu dik l-imħabba b’xejn li tippermettilna li, min-naħa tagħna, inħobbu b’mod konkret.

F’dan il-kuntest, tajjeb niftakru wkoll fit-tagħlim li jagħtina l-Appostlu Ġakbu, fejn jikteb: “Araw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss” – jidher li l-maqlub hu l-verità, imma mhuwiex hekk –. […] “Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil” (Ġak 2:24,26). Il-ġustifikazzjoni, jekk ma twarradx bl-opri tagħna, tibqa’ hemm, taħt l-art, qisha mejta. Hemm tkun, imma aħna jeħtieġ inwettquha bl-għemejjel tagħna. Hekk il-kelmiet ta’ Ġakbu jintegraw it-tagħlim ta’ Pawlu. Għat-tnejn li huma, allura, it-tweġiba tal-fidi tesiġi li nkunu attivi fl-imħabba għal Alla u fl-imħabba għall-proxxmu. Għaliex “attivi f’dik l-imħabba”? Għaliex dik l-imħabba salvatna lkoll, iġġustifikatna b’xejn, gratis!

Il-ġustifikazzjoni ddaħħalna fl-istorja twila tas-salvazzjoni, li turi l-ġustizzja ta’ Alla: quddiem il-waqgħat kontinwi tagħna u n-nuqqas ta’ ħila tagħna, hu ma rrassenjax ruħu, imma ried jagħmilna ġusti u dan għamlu bi grazzja, permezz tad-don ta’ Ġesù Kristu, tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Ġieli semmejt x’inhu l-mod kif jaħdem Alla, liema hu l-istil ta’ Alla, u dan għidtu bi tliet kelmiet: l-istil ta’ Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa. Dejjem hu qrib tagħna, hu ħanin u twajjeb. U l-ġustifikazzjoni hija sewwasew l-ikbar qrubija ta’ Alla lejna, bnedmin, l-ikbar ħniena ta’ Alla lejna, bnedmin, l-ikbar ħlewwa tal-Missier. Il-ġustifikazzjoni hija dan id-don ta’ Kristu, tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu li jeħlisna. “Imma, Dun, jiena midneb, sraqt…”. Iva, imma fl-aħħar mill-aħħar int ġust. Ħalli li Kristu jwettaq dik il-ġustifikazzjoni. Aħna m’aħniex ikkundannati, fl-aħħar mill-aħħar, le: aħna ġusti. Ippermettuli l-kelma: aħna qaddisin, fl-aħħar mill-aħħar. Imma mbagħad, bl-għemil tagħna nsiru midinbin. Imma fl-aħħar mill-aħħar aħna qaddisin: inħallu l-grazzja ta’ Kristu tiġi fuqna u dik il-ġustizzja, dik il-ġustifikazzjoni tagħtina l-qawwa li nimxu ’l quddiem. Hekk, id-dawl tal-fidi jgħinna nagħrfu kemm hi bla tarf il-ħniena ta’ Alla, il-grazzja li taħdem għall-ġid tagħna. Imma l-istess dawl jurina wkoll ir-responsabbiltà li hi fdata lilna biex nikkollaboraw ma’ Alla fl-opra tiegħu ta’ salvazzjoni. Il-qawwa tal-grazzja hemm bżonn li tissieħeb mal-opri tagħna tal-ħniena, li aħna msejħin ngħixu biex nagħtu xhieda ta’ kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla. Ejjew nimxu ’l quddiem b’din il-fiduċja: ilkoll ġejna ġġustifikati, aħna ġusti fi Kristu. Jeħtieġ inwettqu din il-ġustizzja bl-għemil tagħna.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard