Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi fuq ix-xhieda taż-żelu appostoliku. Tlaqna minn San Pawl u l-aħħar darba rajna l-martri, li jxandru lil Ġesù b’ħajjithom, sa ma jagħtuha għalih u għall-Vanġelu. Imma hemm xhieda oħra kbira tul l-istorja tal-fidi: dik tal-monaċi rġiel u nisa, aħwa li jiċħdu lilhom infushom, jiċħdu d-dinja biex isiru jixbhu lil Ġesù fit-triq tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza u biex jinterċedu għal kulħadd. Il-ħajjiet tagħhom jitkellmu waħidhom, imma aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kif jista’ xi ħadd li jgħix f’monasteru jkun qed jgħin fix-xandir tal-Vanġelu? Mhux aħjar iħaddmu l-enerġija tagħhom fil-missjoni? Joħorġu mill-monasteru u jippritkaw il-Vanġelu barra mill-monasteru? Fir-realtà, il-monaċi huma l-qalb li tħabbat tat-tħabbira, it-talb tagħhom hu ossiġnu għall-membri kollha tal-Ġisem ta’ Kristu, it-talb tagħhom hu l-qawwa inviżibbli li twieżen il-missjoni. Mhux ta’ b’xejn il-Patruna tal-missjonijiet hija monaka, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Nisimgħu kif skopriet il-vokazzjoni tagħha, kitbet hekk: “Fhimt li l-Knisja għandha qalb, u li din il-qalb hija mixgħula bl-imħabba. Fhimt li l-imħabba biss tħaddem il-membri tal-Knisja, u li jekk xi darba kellha tintefa, l-Appostli ma kinux ixandru aktar l-Evanġelju, il-martri ma kinux aktar ixerrdu demmhom. Rajt u għaraft li l-imħabba tiġbor fiha s-sejħat kollha […]. Imbagħad fit-telfa tal-ferħ kbir tiegħi għajjatt: ‘O Ġesù, imħabba tiegħi, sibt fl-aħħar is-sejħa tiegħi: is-sejħa tiegħi hija l-imħabba. […] Fil-qalb tal-Knisja, Omm tiegħi, jien għad inkun l-imħabba’” (Manuskritt awtobijografiku “B”, 8 ta’ Settembru 1896). Il-kontemplattivi, il-monaċi: persuni li jitolbu, jaħdmu, jitolbu fis-skiet, għall-Knisja kollha. U din hija l-imħabba: hija l-imħabba li tesprimi ruħha fit-talb għall-Knisja, fil-ħidma għall-Knisja, fil-monasteri.

Din l-imħabba għal kulħadd tmexxi l-ħajja tal-monaċi u titlaħħam fit-talb tagħhom ta’ interċessjoni. U hawn nixtieq nagħtikom bħala eżempju lil San Girgor ta’ Narek, Duttur tal-Knisja. Huwa monaku Armen, li għex lejn is-sena 1000, li ħallielna ktieb ta’ talb, li fih hemm imsawba l-fidi tal-poplu Armen, l-ewwel wieħed li ħaddan il-Kristjaneżmu; poplu li, mgħannaq mas-salib ta’ Kristu, bata tant tul l-istorja. U San Girgor qatta’ fil-monasteru ta’ Narek kważi ħajtu kollha. Hemm hu tgħallem iqalleb fil-fond tar-ruħ tal-bniedem, u huwa u jħallat flimkien poeżija u talb, wasal sal-quċċata kemm tal-letteratura u kemm tal-ispiritwalità Armena. L-aspett li l-aktar li jolqotna fih hu sewwasew is-solidarjetà universali li tagħha hu interpretu. U fost il-monaċi hemm solidarjetà universali: kull ħaġa li tiġri fid-dinja, issib postha fil-qalb tagħhom u jitolbu. Il-qalb tal-monaċi hi qalb li tiġbed bħal antenna, tixrob xi jkun jiġri fid-dinja u titlob u tinterċedi għalih. U hekk huma jgħixu f’għaqda mal-Mulej u ma’ kulħadd. U San Girgor ta’ Narek jikteb: “Jiena minn jeddi tgħabbejt bil-ħtijiet kollha, minn dik tal-ewwel missier sa dik tal-aħħar minn fost nislu” (Ktieb tal-Lamentazzjonijiet, 72). U kif għamel Ġesù, il-monaċi jieħdu fuqhom il-problemi tad-dinja, id-diffikultajiet, il-mard, tant affarijiet, u jitolbu għall-oħrajn. U dawn huma l-evanġelizzaturi l-kbar. Kif jagħmlu l-monasteri biex jgħixu magħluqin u jevanġelizzaw? Għax bil-kelma, bl-eżempju, l-interċessjoni u x-xogħol ta’ kuljum, il-monaċi huma pontijiet ta’ interċessjoni għall-persuni kollha u għad-dnubiet. Huma jibku wkoll bid-dmugħ, jibku għad-dnubiet tagħhom – ilkoll aħna midinbin – u jibku wkoll għad-dnubiet tad-dinja, u jitolbu u jinterċedu b’idejhom u b’qalbhom fil-għoli. Ejjew naħsbu ftit f’din – ippermettuli l-kelma – il-“ħażna” li aħna għandna fil-Knisja: huma l-vera qawwa, il-vera qawwa li żżomm miexi ’l quddiem lill-poplu ta’ Alla u minn hawn tiġi d-drawwa li n-nies – il-poplu ta’ Alla – meta tiltaqa’ ma’ persuna kkonsagrata, tgħidilha: “Itlob għalija, itlob għalija”, għax taf li hemm talba ta’ interċessjoni. Nagħmlu sew – skont kemm nistgħu – li nżuru xi monasteru, għax hemm jitolbu u jaħdmu. Kull wieħed għandu r-regola tiegħu, imma hemm idejhom dejjem għaddejjin: għaddejjin fix-xogħol, għaddejjin fit-talb. Nitolbu lill-Mulej jagħtina monasteri ġodda, monaċi li jkomplu jmexxu ’l quddiem il-Knisja bl-interċessjoni tagħhom. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard