Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nisimgħuha sewwa l-katekeżi, għax wara se jkollna lil taċ-ċirku li se jagħmlu xi ħaġa hawn biex niddevertu ftit.

Inkomplu hawn il-mixja tagħna fuq il-vizzji u l-virtujiet; u l-Missirijiet tal-qedem jgħallmuna li, wara l-gula, it-tieni “demonju”, jiġifieri vizzju, li dejjem issibu mdendel mal-bieb tal-qalb hu dak tal-lussurja. Waqt li l-gula hi l-kilba fil-konfront tal-ikel, dan it-tieni vizzju hu għamla ta’ “kilba” lejn persuna oħra, jiġifieri r-rabta avvelenata li l-bnedmin għandhom bejniethom, speċjalment fl-isfera tas-sesswalità.

Attenti: fil-Kristjaneżmu ma hemm ebda kundanna għall-istint sesswali. Wieħed mill-kotba tal-Bibbja, l-Għanja tal-Għanjiet, hu poema mill-isbaħ ta’ mħabba bejn żewġ għarajjes. Madankollu, din id-dimensjoni hekk sabiħa tal-umanità tagħna, id-dimensjoni sesswali, id-dimensjoni tal-imħabba, mhijiex nieqsa mill-perikli, tant li diġà San Pawl kellu jaffronta l-argument fl-Ewwel Ittra lill-Korintin. Jikteb hekk: “Kulħadd sama’ li hemm iż-żina fostkom, u żina li anqas issibha fost il-pagani” (5:1). Iċ-ċanfira tal-Appostlu hija proprju dwar it-tħaddim ħażin tas-sesswalità min-naħa ta’ xi Nsara. 

Imma ejjew inħarsu lejn l-esperjenza umana, lejn l-esperjenza tan-namur. Hawnhekk għandna ħafna miżżewġin friski, intom tistgħu tgħidulna dwar dan! Għaliex iseħħ dan il-misteru, u għaliex hi esperjenza li taqleb tant ta’ taħt fuq il-ħajja tal-persuni, ħadd minna ma jaf. Persuna tinnamra ma’ oħra, jitfaċċa n-namur. Hija waħda mill-aktar realtajiet sorprendenti tal-ħajja. Il-biċċa l-kbira tal-kanzunetti li nisimgħu fuq ir-radju huma dwar hekk: stejjer ta’ mħabba li jinbtu, imħabba li dejjem wieħed jiġri warajha u qatt ma jilħaqha, imħabba mimlija ferħ, jew li tibqa’ titturmenta sat-tixrid tad-dmugħ. 

Jekk ma jiġix imniġġes mill-vizzju, in-namur hu wieħed mis-sentimenti l-aktar safja. Persuna nnamrata ssir ġeneruża, tieħu pjaċir tagħti r-rigali, tikteb ittri u poeżiji. Ma tibqax taħseb fiha nfisha biex tkun kompletament ħsiebha fl-ieħor, hi ħaġa sabiħa din. U jekk lil xi ħadd innamrat tistaqsuh: “għaliex tħobb?”, ma jkunx jaf isib tweġiba: b’diversi modi din tiegħu hi mħabba inkundizzjonata, għall-ebda raġuni ta’ xejn. Ma ġara xejn jekk dik l-imħabba, hekk qawwija, tkun ukoll xi ftit inġenwa: in-namrat ma jafx tassew il-wiċċ tal-ieħor, it-tendenza tkun li jidealizzah, lest biex ilissen wegħdiet li ma jintebaħx dritt bil-piż tagħhom. Dan il-“ġnien” fejn joktru l-għeġubijiet safrattant mhuwiex imħares mill-ħażen. Jiġi sfigurat mix-xitan tal-lussurja, u dan il-vizzju hu partikularment ikrah, tal-inqas għal żewġ raġunijiet.

Qabelxejn, għax iħarbat ir-relazzjonijiet bejn il-persuni. B’xorti ħażina biżżejjed l-aħbarijiet ta’ kuljum biex naraw realtà bħal din. Kemm relazzjonijiet li bdew bl-aħjar mod possibbli maż-żmien inbidlu f’relazzjonijiet velenużi, ta’ pussess tal-persuna l-oħra, neqsin mir-rispett u mis-sens ta’ limitu? Huma stejjer ta’ mħabba fejn naqset il-kastità: virtù li ma għandniex nifxluha mal-astinenza sesswali – il-kastità hi aktar mill-asistenza sesswali –, pjuttost għandna norbtuha mar-rieda tagħna li qatt ma nippossedu lill-persuna l-oħra. Li nħobbu jfisser nirrispettaw lill-ieħor, infittxu l-ferħ tiegħu, nikkultivaw fina empatija għas-sentimenti tiegħu, ninfetħu fl-għarfien ta’ ġisem, ta’ moħħ u ta’ ruħ li mhumiex tagħna, li għandhom jiġu kkontemplati għall-ġmiel li huma jġorru fihom. Dan ifisser tħobb, u l-imħabba hi sabiħa. Imma l-lussurja tiżżufjetta b’dan kollu: il-lussurja tisraq, taħtaf, tikkonsma kollox malajr, ma tridx tisma’ lill-ieħor imma biss il-bżonn tagħha u l-pjaċir tagħha; lil-lussurja jdejjaqha kull żmien ta’ namur, ma tfittix dik is-sintesi bejn raġuni, impulsi u sentiment li tista’ tgħinna ngħixu bl-għerf. Iż-żieni jfittex biss l-iqsar toroq: ma jifhimx li t-triq tal-imħabba għandna nimxuha bil-mod il-mod, u dan is-sabar, mhux talli mhux ħaġa monotona, talli jippermetti li r-relazzjonijiet ta’ mħabba tagħna jkunu hienja. 

Imma hemm raġuni oħra għaliex il-lussurja hi vizzju perikoluż. Fost il-pjaċiri kollha tal-bniedem, is-sesswalità għandha leħen b’saħħtu. Tmiss is-sensi kollha, tgħammar kemm fil-ġisem u kemm fil-moħħ, u din hi ħaġa sabiħa ħafna, imma jekk ma tiġix iddixxiplinata bis-sabar, jekk mhix miktuba f’relazzjoni u fi storja fejn żewġ individwi jibdluha f’żifna ta’ mħabba, din tinbidel f’katina li lill-bniedem iżżommu mil-libertà tiegħu. Il-pjaċir sesswali, li huwa don ta’ Alla, hu mhedded mill-pornografija: sodisfazzjon mingħajr relazzjoni li jista’ jnissel xejriet ta’ dipendenza. Għandna niddefendu l-imħabba, l-imħabba tal-qalb, tal-moħħ, tal-ġisem, imħabba safja fl-għotja lil xulxin. U dan hu l-ġmiel tar-relazzjoni sesswali.

Li nirbħu l-battalja kontra l-lussurja, kontra li l-persuna l-oħra nirriduċuha oġġett, din tista’ tkun biċċa xogħol li ttul ħajjitna kollha. Imma l-premju ta’ din il-battalja huwa assolutament l-iktar importanti, għax ifisser li nippreservaw dak il-ġmiel li Alla kiteb fil-ħolqien tiegħu meta stħajjel dik l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara, li mhix qiegħda hemm biex jużaw lil xulxin, imma biex iħobbu lil xulxin. Dak il-ġmiel li jgħinna nemmnu li aħjar nibnu storja flimkien milli mmorru nfittxu avventuri – ‘Don Giovanni’ għandna kemm trid mas-saqajn! –, aħjar inrawmu fina l-ħlewwa milli nbaxxu rasna għad-demonju tal-pussess – l-imħabba vera ma tippossedix, imma tingħata –, aħjar naqdu milli naħkmu. Għax jekk ma hemmx l-imħabba, il-ħajja tkun ta’ swied il-qalb, issir solitudni kerha. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard