Katekeżi fuq id-Dixxerniment. 7. Il-materja tad-dixxerniment. Id-deżolazzjoni

Għeżież ħuti, merħba u l-għodwa t-tajba!

Id-dixxerniment, dan rajnieh fil-katekeżijiet ta’ qabel, mhuwiex prinċipalment proċess loġiku; hu għandu x’jaqsam mal-azzjonijiet, u l-azzjonijiet għandhom konnotazzjoni affettiva li għandha tiġi rikonoxxuta wkoll, għax Alla jkellem lill-qalb. Nidħlu mela fl-ewwel mod affettiv, oġġett tad-dixxerniment, jiġifieri d-deżolazzjoni. Xi tkun din?

Id-deżolazzjoni ġiet definita b’dan il-mod: “Meta r-ruħ tinsab imdallma, inkwetata, tħossha miġbuda għal ħwejjeġ baxxi u ta’ din id-dinja, bla paċi minħabba ħafna taqlib u tiġrib li jwassalha biex titlef il-fiduċja, bla tama u bla mħabba… tara lilha nfisha kollha għażżiena, bierda, imnikkta u bħal maqtugħa mill-Mulej Ħallieq tagħha” (Sant’Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi spiritwali, 317). Ilkoll kemm aħna għandna esperjenza ta’ dan. Nemmen li b’xi mod jew ieħor, kellna esperjenza ta’ dan, tad-deżolazzjoni. Il-problema hi kif nistgħu naqrawha, għax hi wkoll għandha xi ħaġa importanti x’tgħidilna, u jekk ngħaġġlu neħilsu minnha, din il-ħaġa nirriskjaw li nitilfuha.

Ħadd ma jrid ikun deżolat, imdejjaq: dan hu minnu. Kollha rridu ħajja dejjem ferħana, allegra u sodisfaċenti. Imma dan, barra li mhuwiex possibbli – għax mhuwiex possibbli –, lanqas ikun jagħmlilna ġid. Fil-fatt, il-bidla ta’ ħajja orjentata għall-vizzju tista’ tibda minn sitwazzjoni ta’ diqa, ta’ rimors għal dak li nkunu għamilna. Sabiħa ħafna l-etimoloġija ta’ din il-kelma, “rimors”: ir-rimors tal-kuxjenza, kollha nafuh dan. Rimors: litteralment hija l-kuxjenza li tkun qed tigdimna, li ma tħalliniex fil-kwiet. Alessandro Manzoni, f’L-Għarajjes imwiegħda, tana deskrizzjoni l-ġmiel tagħha tar-rimors bħala okkażjoni biex nibdlu ħajjitna. Dan hu d-djalogu ċelebri bejn il-Kardinal Federico Borromeo u l-Innominato, li, wara lejl tal-biża’, jippreżenta ruħu mifni quddiem il-Kardinal, li jdur fuqu bi kliem tal-għaġeb: “‘Int għandek aħbar tajba x’tagħtini, u ħa tħallini nitniehed?’. ‘Aħbar tajba, jien?’, qallu l-ieħor. ‘L-infern għandi fil-qalb tiegħi […]. Għidli int, jekk taf, liema hi din l-aħbar tajba’. ‘Li Alla messlek qalbek, u jrid jagħmlek tiegħu’, wieġbu bil-kalma l-Kardinal” (kap. XXIII). Alla jmiss il-qalb u tiġik xi ħaġa ġo fik, id-diqa, ir-rimors għal xi ħaġa, u din tkun stedina biex tibda triq ġdida. Il-bniedem ta’ Alla jaf jinnota fil-profond dak li hemm jiċċaqlaq fil-qalb.

Importanti nitgħallmu naqraw id-dwejjaq. Kollha nafu xi jkun id-dwejjaq: kollha. Imma nafu naqrawh? Naf nifhem xi jfisser għalija, dan id-dwejjaq tal-lum? Fi żmienna, id-dwejjaq neħduh l-aktar b’mod negattiv, bħala ħażen li rrid naħrab minnu b’kull mod possibbli, meta fil-verità jista’ jkun qanpiena tal-allarm indispensabbli fil-ħajja, li jistedinna nesploraw pajsaġġi iżjed għonja u fertili li nitilfuhom jekk din l-okkażjoni naħarbuha jew nevitawha. San Tumas jiddefinixxi d-dwejjaq bħala tbatija tar-ruħ: bħan-nervaturi għall-ġisem, hi terġa’ tiġbed l-attenzjoni quddiem il-possibbiltà ta’ periklu, jew għal ġid li jkun twarrab (ara Summa Th. I-II, q. 36, a. 1). Għalhekk, hu indispensabbli għas-saħħa tagħna, jipproteġina biex ma nagħmlux ħsara lilna nfusna u lil oħrajn. Tkun ħaġa iżjed gravi u perikoluża jekk ma nagħtux kas ta’ dan is-sentiment u nibqgħu għaddejjin. Id-dwejjaq xi drabi jaħdem bħal dwal tat-traffiku: “Ieqaf, ieqaf! Aħmar hawn. Ieqaf”.

Imma għal min għandu x-xewqa li jagħmel it-tajjeb, id-diqa hija xkiel li bih it-tentatur irid jaqtgħalna qalbna. F’dan il-każ, irridu naġixxu eżattament bil-maqlub għal dak li hu ssuġġerit, deċiżi li nkomplu b’dak li kellna f’moħħna li nagħmlu (ara Eżerċizzi spiritwali, 318). Ejjew naħsbu fix-xogħol, fl-istudju, fit-talb, f’impenn li nkunu ħadna: jekk nitilquhom malli nibdew niddejqu jew insewdu qalbna, qatt ma nikkonkludu xejn. Din hi wkoll esperjenza komuni tal-ħajja spiritwali: it-triq lejn it-tajjeb, ifakkarna l-Vanġelu, hi dejqa u għat-telgħa, titlob taqbida, li nirbħu lilna nfusna. Nibda nitlob, jew niddedika ruħi għal opra tajba u, stranament, proprju dak il-ħin jiġuni f’moħħi ħwejjeġ li fadalli nagħmel b’urġenza – biex ma nitlobx u biex ma nagħmilx l-affarijiet it-tajba. Kollha għandna din l-esperjenza. Importanti, għal min irid jaqdi lill-Mulej, li ma nħallux id-deżolazzjoni tmexxina. U din li… “Imma le, ma għandix aptit, din iddejjaqni…”: attent. B’xorti ħażina, xi wħud jiddeċiedu li jitilqu l-ħajja tat-talb, jew l-għażla li jkunu ħadu, iż-żwieġ jew il-ħajja reliġjuża, għax iħallu d-deżolazzjoni tmexxihom hi, mingħajr l-ewwel ma jieqfu jaqraw kif qed iħossuhom, u fuq kollox mingħajr l-għajnuna ta’ gwida. Regola għarfa tgħid li ma għandniex nagħmlu bidliet meta nkunu deżolati. Ikun iż-żmien ta’ wara, iżjed milli l-burdata tal-mument, li jurina l-għażliet tagħna kinux tajbin jew inqas tajbin.

Interessanti ninnotaw, fil-Vanġelu, li Ġesù jwarrab it-tentazzjonijiet b’atteġġjament ta’ rieda soda (ara Mt 3:14-15; 4:1-11; 16:21-23). Is-sitwazzjonijiet ta’ prova jitfaċċaw minn kull naħa, imma meta dejjem isibu fih din ir-rieda soda, deċiża li jagħmel ir-rieda tal-Missier, jiġu fix-xejn u ma jibqgħux ixekklulu l-mixja. Fil-ħajja spiritwali l-prova hi mument importanti, il-Bibbja dan tfakkarhulna espliċitament u tgħid hekk: “Jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej, ħejji ruħek għat-tiġrib” (Sir 2:1). Jekk int trid timxi fit-triq it-tajba, ħejji ruħek: se ssib xkiel, se ssib tentazzjonijiet, se ssib mumenti ta’ diqa. Dan bħal meta professur jeżamina l-istudent: jekk jara li jaf il-punti essenzjali tal-materja, ma joqgħodx jinsisti miegħu: il-prova għelibha. Imma jrid jegħleb il-prova.

Jekk nagħrfu ngħaddu mis-solitudni u d-deżolazzjoni b’qalb miftuħa u għarfien sħiħ, nistgħu noħorġu minnhom imqawwija mill-aspett uman u spiritwali. Kull prova tista’ tingħeleb; ebda prova ma hi ikbar minn dak li aħna nistgħu nagħmlu. Imma taħrabx mill-provi: ara xi tfisser għalik din il-prova, xi jfisser li jiena qed inħossni mdejjaq: għaliex jiena mdejjaq? Xi jfisser li jien bħalissa ninsab f’deżolazzjoni? Xi jfisser li jiena deżolat u ma nistax nagħmel pass ’il quddiem? San Pawl ifakkarna li ħadd ma hu mġarrab iktar milli jiflaħ, għax il-Mulej ma jitlaqna qatt waħidna u, bih qrib tagħna, nistgħu negħlbu kull tentazzjoni (ara 1 Kor 10:13). U jekk ma nirbħuhiex illum, għad inqumu darb’oħra, nimxu u nirbħuha għada. Imma tibqgħux mejtin – ħa ngħidu hekk – tibqgħux mirbuħa mimħabba mument ta’ diqa, ta’ deżolazzjoni: imxu ’l quddiem. Il-Mulej ibierkek f’din il-mixja – kuraġġjuża! – tal-ħajja spiritwali, li hi dejjem f’mixja.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


Il-Bastjaniżi fil-Pjazza tal-Vatikan idoqqu lill-Papa Franġisku

Madwar 150 persuna li jinkludu membri tal-kumitat, bandisti u surmast marru fil-Pjazza tal-Vatikan bħala ambaxxaturi tal-Banda li hija ddedikata lil San Bastjan. L-avveniment hu parti minn programm ta’ attivitajiet li s-Soċjetà ħejjiet biex tfakkar il-160 sena mit-twaqqif tas-soċjetà din is-sena.

Apparti l-Pjazza tal-Vatikan, il-banda qed iżżur Via Appja sabiex ikunu viċin il-padrun San Bastjan. B’din il-mawra qed jirringrazzjaw lil San Bastjan Martri għal 160 sena li għaddew minn fuq is-soċjetà kif ukoll bħala ringrazzjament għall-ħarsien tiegħu fuq Belt Pinto waqt il-pandemija.

Sors: Newsbook.com.mt