Katekeżi fuq id-dixxerniment. 6. L-elementi tad-dixxerniment. Il-ktieb ta’ ħajti

Għeżież ħuti, merħba u l-għodwa t-tajba!

Fil-katekeżijiet ta’ dawn il-ġimgħat qed ninsistu fuq il-presupposti biex nagħmlu dixxerniment tajjeb. Fil-ħajja rridu nieħdu xi deċiżjonijiet, dejjem, u biex nieħdu d-deċiżjonijiet jeħtieġ nagħmlu mixja, triq ta’ dixxerniment. Kull ħidma importanti għandha l-“istruzzjonijiet” tagħha xi nsegwu, li rridu nkunu nafuhom biex jistgħu jipproduċu l-effetti meħtieġa. Illum se nieqfu fuq ingredjent ieħor indispensabbli għad-dixxerniment: l-istorja ta’ ħajjitna. Li nkunu nafu l-istorja ta’ ħajjitna hu ingredjent – biex ngħidu hekk – indispensabbli għad-dixxerniment.

Il-ħajja tagħna hija l-“ktieb” l-iżjed prezzjuż li rċivejna, ktieb li bosta b’xorti ħażina ma jaqrawx, jew jaqrawh tard wisq, qabel imutu. Imma, proprju f’dak il-ktieb insibu dak li nkunu qed infittxu għalxejn f’toroq oħra. Santu Wistin, fittiex kbir tal-verità, dan fehmu proprju huwa u jerġa’ jaqra ħajtu, u nnota fiha l-passi siekta u diskreti, imma inċiżivi, tal-preżenza tal-Mulej. Fi tmiem din il-mixja nnota mistagħġeb: “Inti kont ġewwa fija u jiena ’l barra minni nnifsi. Fittixtek hemm barra, u jien, bla sura ta’ xejn, intfajt kollni kemm jien fuq il-ħafna suriet sbieħ li int għamilt. Kont miegħi, u jien ma kontx miegħek” (Stqarrijiet X, 27,38). Minn hawn toħroġ l-istedina tiegħu biex nieħdu ħsieb tal-ħajja interjuri biex insibu dak li qed infittxu: “Erġa’ idħol fik innifsek. Fil-bniedem ta’ ġewwa hemm tgħammar il-verità” (Ir-reliġjon vera, XXXIX, 72). Din hi stedina li jiena nagħmel lilkom ilkoll, nagħmilha wkoll lili nnifsi: “Erġa’ idħol fik innifsek. Aqra l-ħajja tiegħek. Aqra dak li hemm ġewwa fik, kif kienet il-mixja tiegħek. B’serenità. Erġa’ idħol fik innifsek”.

Ħafna drabi għamilnieha aħna wkoll l-esperjenza ta’ Wistin, li nsibu ruħna lsiera ta’ ħsibijiet li jbegħduna minna nfusna, messaġġi sterjotipati li jagħmlulna ħsara: ngħidu aħna, “jiena ma niswa għal xejn” – u tibqa’ titgħaffeġ; “lili kollox ħażin jiġini” – u tibqa’ nieżel; “qatt mhu ħa nasal biex nagħmel xejn tajjeb” – u tibqa’ nieżla, u hekk sejra l-ħajja. Dawn il-frażijiet pessimisti li jgħaffġuk ’l isfel! Li naqraw il-ħajja tagħna jfisser ukoll nagħrfu l-preżenza ta’ dawn l-elementi “tossiċi”, imma biex imbagħad inwessgħu n-nisġa tar-rakkont tagħna, nitgħallmu ninnotaw ħwejjeġ oħra, nagħmluh iktar għani, f’rispett ikbar lejn il-kumplessità, u jirnexxilna nagħrfu wkoll il-modi diskreti li bihom Alla jaġixxi fil-ħajja tagħna. Darba ltqajt ma’ persuna li n-nies li kienet tafha kienet tgħid li jistħoqqilha l-Premju Nobel għan-negattività: kollox ikrah, kollox, u dejjem tfittex kif ħa tarmi lilha nfisha. Kienet persuna mdejqa, meta kellha tant kwalitajiet. Imma mbagħad din il-persuna sabet persuna oħra li għenitha, u kull darba li kienet tgerger fuq xi ħaġa, l-oħra tgħidilha: “Imma issa, biex tpatti, għid xi ħaġa tajba fuqek innifsek”. U dan: “Ara, iva… għandi wkoll din il-kwalità”, u ftit ftit għenitu jimxi ’l quddiem, jaqra tajjeb il-ħajja tiegħu, kemm il-ħwejjeġ koroh u kemm dawk sbieħ. Jeħtieġ naqraw il-ħajja tagħna, u hekk naraw il-ħwejjeġ li mhumiex tajbin u anki l-ħwejjeġ tajbin li Alla jiżra’ fina.

Rajna kif id-dixxerniment għandu karattru narrattiv: ma jiqafx fuq l-azzjoni ta’ issa, imma jdaħħalha f’kuntest: mnejn ġej dan il-ħsieb? Dan li qed inħoss issa, mnejn hu ġej? Fejn se jeħodni, dan li qed naħseb bħalissa? Meta ġrali hekk diġà qabel? Din hi ħaġa ġdida li tfaċċat issa, jew rajtha drabi oħra? Għaliex dan il-ħsieb hu iktar insistenti minn oħrajn? Xi trid tgħidli l-ħajja b’dan?

Ir-rakkont tal-ġrajjiet tal-ħajja tagħna jagħtina wkoll li nifhmu ċerti sfumaturi u dettalji importanti, li jistgħu jkunu għajnuniet prezzjużi li sa dak il-ħin ikunu għadhom mistura.

Ir-rakkont tal-ġrajjiet tal-ħajja tagħna jagħtina wkoll li nifhmu ċerti sfumaturi u dettalji importanti, li jistgħu jkunu għajnuniet prezzjużi li sa dak il-ħin ikunu għadhom mistura. Ngħidu aħna, qari, servizz, laqgħa, li mal-ewwel daqqa t’għajn jitqiesu ta’ ftit li xejn importanza, iktar tard jistgħu jittrasmettu paċi interjuri, jittrasmettu l-ferħ tal-ħajja u jissuġġerixxu aktar inizjattivi ta’ ġid. Hu indispensabbli li nieqfu u nagħrfuh dan. Li nieqfu jfisser nagħrfu: hu importanti għad-dixxerniment, hi ħidma li biha niġbru dawk il-ġawhar prezzjużi u moħbija li l-Mulej xeħet fuq l-art tagħna.

It-tajjeb jinħeba, dejjem, għax it-tajjeb hu modest u jinħeba: it-tajjeb hu moħbi; hu sieket, jitlob skavar bil-mod u kontinwu. Għax l-istil ta’ Alla hu diskret: Alla jieħu pjaċir jinħeba, b’diskrezzjoni, ma jimponix ruħu; hu bħall-arja li nieħdu n-nifs fiha, ma narawhiex imma tgħajjixna, u nintebħu biss meta tonqosna.

Xi ħadd għaref qal li l-bniedem li ma jafx il-passat tiegħu hu kkundannat li jirrepetih.

Jekk nidraw nerġgħu naqraw ħajjitna, inkunu nedukaw il-ħarsa tagħna, nirfinawha, u nistgħu ninnotaw il-mirakli żgħar li Alla fit-tjieba tiegħu jagħmel għalina kuljum. Meta nagħtu kas, ninnutaw direzzjonijiet oħra possibbli li jsaħħu l-gost interjuri, il-paċi u l-kreattività. Fuq kollox ninħelsu iktar mill-isterjotipi tossiċi. Xi ħadd għaref qal li l-bniedem li ma jafx il-passat tiegħu hu kkundannat li jirrepetih. Kurjuża din: jekk aħna ma nafux it-triq li mxejna, il-passat, dejjem ħa nirrepetuh, nibqgħu ċirkulari. Il-persuna li timxi ċirkolarment qatt ma timxi ’l quddiem, ma hemmx mixja, hi bħal kelb li joqgħod jigdem denbu, dejjem hekk sejjer, u jirrepeti l-affarijiet.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien qatt irrakkuntajt ħajti lil xi ħadd? Din hi esperjenza sabiħa tal-għarajjes, li meta jieħdu lil xulxin bis-serjetà jirrakkontaw ħajjithom… Hi waħda mill-għamliet ta’ komunikazzjoni l-iżjed sbieħ u intimi, li nirrakkontaw ħajjitna. Dan jippermettilna niskopru ħwejjeġ li sa dakinhar ma konniex nafuhom, żgħar u sempliċi, imma, kif jgħid il-Vanġelu, hu proprju mill-ħwejjeġ iż-żgħar li jitwieldu l-ħwejjeġ kbar (ara Lq 16:10).

Anki l-ħajjiet tal-qaddisin huma għajnuna prezzjuża biex nagħrfu l-istil ta’ Alla fil-ħajja tagħna: jgħinuna niffamiljarizzaw ruħna mal-mod kif iġib ruħu hu. Xi mġibiet tal-qaddisin jisfidawna, juruna tifsiriet ġodda u opportunitajiet ġodda. Dan hu li ġralu, ngħidu aħna, Sant’Injazju ta’ Loyola. Xħin ifisser l-iskoperta fundamentali ta’ ħajtu, iżid preċiżazzjoni importanti, u jgħid hekk: “Mill-esperjenza kien fehem li xi ħsibijiet kienu jħalluh imnikket, oħrajn ferħan; u ftit ftit tgħallem jagħraf id-differenza bejn il-ħsibijiet, id-differenza bejn l-ispirti li jqanqluh minn ġewwa” (Awtobijografija, n. 8). Li nkunu nafu x’inhu jiġri fina, nagħrfu, inkunu attenti.

Id-dixxerniment huwa qari narrattiv tal-mumenti sbieħ u tal-mumenti koroh, tal-konsolazzjonijiet u tad-deżolazzjonijiet li niltaqgħu magħhom tul ħajjitna. Fid-dixxerniment hija l-qalb li tkellimna dwar Alla, u aħna rridu nitgħallmu nifhmu l-lingwa tagħha. Nistaqsu lilna nfusna, fl-aħħar tal-ġurnata, ngħidu aħna: X’ġara llum fil-qalb tiegħi? Xi wħud jaħsbu li dan l-eżami tal-kuxjenza jfisser tagħmel il-kontijiet tad-dnubiet li għamilt – nagħmlu ħafna –, imma dan ifisser ukoll li nistaqsu lilna nfusna: “X’ġara ġewwa fija, kont ferħan? X’ġabli dan il-ferħ? Bqajt imdejjaq? X’ġabli din id-diqa?”. U hekk nitgħallmu niddixxernu x’qed jiġri ġo fina.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard