(lemin) Il-Perit Adrian Mifsud, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, is-Segretarju Parlamentari Dr Chris Bonett, il-kappillan Dun Reuben Deguara u l-istoriku Sandro Sciberras

L‑istudji u t‑testijiet ġeotekniċi fuq il‑Knisja l‑Qadima ta’ Birkirkara waslu fi tmiem it‑tieni stadju. Dawn l‑istudji qed isiru b’investiment ta’ €104,000, li €84,000 minnhom ġejjin mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali u għandhom jiddeterminaw xi ħsarat strutturali hemm f’din il‑knisja li hi monument nazzjonali tal‑ewwel grad. Il‑bqija tal‑fondi ġejjin minn fondi tal‑parroċċa.

Waqt żjara lill‑Knisja ta’ Santa Marija, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal: “B’riżultat ta’ dan l‑istudju tekniku minn kumpanija Taljana qed jitfassal mudell 3D tal‑Knisja l‑Qadima ta’ Birkirkara, biex nifhmu aħjar f’liema partijiet tagħha hemm bżonn insaħħu. Ir‑rapport dettaljat tal‑investigazzjonijiet li saru diġà għaddew għand l‑esperti tekniċi, u sar ukoll skavar biex isir studju ġeotekniku kif ukoll jittieħdu kampjuni tal‑pedament tal‑knisja.” Is‑Sur Pace Ross qal li permezz ta’ dan il‑proġett, li ilu għaddej sentejn, se jiġu identifikati għażliet biex isiru l‑interventi meħtieġa mill‑Gvern Ċentrali. Dalwaqt se jinħareġ it‑tender għat‑tielet u l‑aħħar fażi.

Preżenti għaż‑żjara kien hemm ukoll il‑Perit Adrian Mifsud, li ssorvelja x‑xogħol tekniku u Sandro Sciberras, l-istoriku ta’ din il-parroċċa. Huma spjegaw li din il-knisja nbniet fl‑ewwel snin tas-seklu 17 fuq sit fejn qabilha kien hemm knisja medjevali li ma baqgħetx tintuża u nħattet biex tagħmel spazju għall-knisja li hemm illum. Il‑knisja għandha problemi strutturali minħabba pedamenti mibnija fuq saffi ġeoloġiċi differenti, inkluż blat artab, li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is‑snin. Matul is‑snin, il‑knisja esperjenzat movimenti strutturali li qed jipperikolaw il‑vijabbiltà fit‑tul tal‑istruttura tal‑knisja. Barra minn hekk, minkejja x‑xogħlijiet ta’ restawr li saru madwar 20 sena ilu, diversi xquq huma viżibbli mill‑ġdid fl‑istruttura u hemm indikazzjonijiet qawwija li dawn qed jiżviluppaw aktar.

Mudell 3D tal-Knisja l-Qadima u l-ħsarat li ġarrbet s’issa

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett qal li bl‑għajnuna tal‑fondi Ewropej il‑Gvern qed jisma’ l‑karba tan‑nies ta’ Birkirkara li xtaqu li din il‑knisja tiġi rranġata u ma taqax. Dr Bonett qal: “Mill‑programmi l‑ġodda ta’ fondi Ewropej se naraw li nkomplu naħdmu flimkien mal‑Arċidjoċesi ta’ Malta bil‑għan li jsiru aktar proġetti ta’ restawr biex nkomplu nibżgħu għall‑patrimonju kulturali tagħna.”

Il‑Kappillan Dun Reuben Deguara żied jgħid li dawn l‑istudji huma l‑bażi ta’ restawr estensiv li jrid isir permezz ta’ operazzjoni kkumplikata u delikata ħafna, peress li l‑istruttura hija ta’ valur storiku u arkitettoniku kbir. Il‑kappillan semma kif l‑interventi jridu jsiru fi żmien raġjonevoli għax jekk ikun hawn theżżiża s‑saqaf jista’ jiġġarraf.

Il‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija hi mniżżla fl‑Inventarju Nazzjonali tal‑Propjetà Kulturali tal‑Gżejjer Maltin.

Apparat tekniku li qed jimmonitorizza waħda mill-konsenturi fil-Knisja