Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed nibdew ċiklu ġdid ta’ katekeżi, iddedikat lil tema urġenti u deċiżiva għall-ħajja Nisranija: il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, jiġifieri ż-żelu appostoliku. Din hi dimensjoni vitali għall-Knisja: il-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù fil-fatt titwieled appostolika, titwieled missjunarja, mhux proselitista, u dan sa mill-bidu rridu niddistingwuh: li tkun missjunarju, li tkun appostoliku, tevanġelizza, mhuwiex l-istess bħal li tagħmel proselitiżmu, ħaġa ma għandha xejn x’taqsam mal-oħra. Din hi dimensjoni vitali għall-Knisja, il-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù titwieled appostolika u missjunarja. L-Ispirtu s-Santu hekk isawwarha, fi ħruġ – il-Knisja li toħroġ, li toħroġ –, biex ma tingħalaqx fiha nfisha, imma tkun estroversa, xhud kuntaġġjuż ta’ Ġesù – il-fidi hi kuntaġġjuża wkoll –, miftuħa biex minnha jiddi d-dawl sat-trufijiet l-aktar imbiegħda tal-art. Imma jista’ jiġri li l-ħeġġa appostolika, ix-xewqa li tilħaq lill-oħrajn bl-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, tonqos, tibred. Xi drabi tidher għebet, huma Nsara magħluqa, ma jaħsbux fl-oħrajn. Imma meta l-ħajja Nisranija titlef minn quddiemha x-xefaq tal-evanġelizzazzjoni, ix-xefaq tat-tħabbira, timrad: tingħalaq fiha nfisha, issir awtoreferenzjali, tintelaq. Mingħajr żelu appostoliku, il-fidi tinxef. Imma l-missjoni mill-banda l-oħra hi n-nifs tal-ħajja Nisranija: tagħtiha l-ħajja u ssaffiha. Mela ejjew naqbdu l-mixja tagħna biex niskopru mill-ġdid il-passjoni tal-evanġelizzazzjoni, u nibdew mill-Iskrittura u mit-tagħlim tal-Knisja, biex nixorbu mill-għejun taż-żelu appostoliku. Imbagħad nersqu lejn xi għejun ħajjin, lejn xi xhieda li reġgħu xegħlu fil-Knisja l-passjoni għall-Vanġelu, biex jgħinuna nkebbsu mill-ġdid in-nar li l-Ispirtu s-Santu jrid ikebbes dejjem fina.

U llum nixtieq nibda minn ġrajja tal-Vanġelu b’xi mod jew ieħor emblematika, smajnieha: is-sejħa tal-Appostlu Mattew, u hu stess jirrakkontaha fil-Vanġelu tiegħu, fis-silta li għadna kemm smajna (ara 9:9-13).

Kollox jibda minn Ġesù, li “ra”, jgħid it-test, “wieħed”. Ftit kienu dawk li lil Mattew kienu jarawh kif inhu: kienu jafuh bħala dak li kien “bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi” (v. 9). Fil-fatt hu kien eżattur tat-taxxi: jiġifieri, kien jiġbor it-tributi f’isem l-Imperu Ruman li kien jaħkem fuq il-Palestina. Fi kliem ieħor, kien kollaborazzjonista, traditur tal-poplu. Nistgħu nimmaġinaw id-disprezz li n-nies kellha lejh: kien “pubblikan”, hekk kien jissejjaħ. Imma, f’għajnejn Ġesù, Mattew hu bniedem, bil-miżerji u l-kobor tiegħu. Attenti għal dan: Ġesù ma jiqafx mal-aġġettivi, Ġesù dejjem ifittex is-sostantiv. “Dan hu midneb, dan hu hekk u għalhekk…”, dawn huma aġġettivi: Ġesù jmur dritt għall-persuna, għall-qalb, din hi persuna, dan hu raġel, din hi mara, Ġesù jmur għas-sustanza, għas-sostantiv, qatt għall-aġġettiv, l-aġġettivi jwarrabhom. U wara li bejn Mattew u n-nies tiegħu kien hemm distanza – għax huma kienu jaraw l-aġġettiv, “pubblikan” –, Ġesù jersaq qrib tiegħu, għax kull bniedem hu maħbub minn Alla. “Anki dan id-diżgrazzjat?”. Iva, anki dan id-diżgrazzjat, anzi Hu ġie għal dan id-diżgrazzjat, jgħidu l-Vanġelu dan: “Jiena għall-midinbin ġejt, u mhux għall-ġusti”. Din il-ħarsa ta’ Ġesù li hi wisq sabiħa, li jara lill-ieħor, hu min hu, bħala destinatarju ta’ mħabba, hija l-bidu tal-passjoni evanġelizzatriċi. Kollox jitlaq minn din il-ħarsa, li nitgħallmuha mingħand Ġesù. 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kif qed tkun il-ħarsa tagħna lejn l-oħrajn? Kemm drabi naraw id-difetti tagħhom flok il-ħtiġijiet; kemm drabi nittimbraw il-persuni għal dak li jagħmlu jew dak li jaħsbu! Anki bħala Nsara ngħidu: dan min-naħa tagħna jew mhux min-naħa tagħna? Din mhijiex il-ħarsa ta’ Ġesù: hu jħares dejjem lejn kull persuna bil-ħniena, anzi bi preferenza. U l-Insara huma msejħa biex jagħmlu bħal Kristu, iħarsu bħalu, speċjalment lejn l-hekk imsejħa “mbegħdin”. Fil-fatt, ir-rakkont tas-sejħa ta’ Mattew jagħlaq b’Ġesù li jgħid: “Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin” (v. 13). U jekk kull wieħed u waħda minna jħossu ġust, Ġesù hu mbiegħed, għax hu joqrob lejn il-limitazzjonijiet u lejn il-miżerji tagħna, biex ifejjaqna.

Għalhekk, kollox jibda mill-ħarsa ta’ Ġesù li “ra wieħed”, Mattew. U wara dan – skont il-passaġġ – jiġi moviment. L-ewwel il-ħarsa, Ġesù ra, imbagħad it-tieni passaġġ, il-moviment. Mattew kien bilqiegħda mal-bank tat-taxxi; Ġesù jgħidlu: “Ejja warajja”. U dak “qam u mar warajh” (v. 9). Ninnutaw li t-test jagħfas fuq “qam”. Għaliex hu daqshekk importanti dan id-dettall? Għax f’dawk iż-żminijiet min kien ikun bilqiegħda kellu awtorità fuq l-oħrajn, li kienu bilwieqfa quddiemu biex jisimgħuh jew, bħal f’dak il-każ, biex iħallsu t-tribut. Min kien bilqiegħda, f’kelma waħda, kellu l-poter. L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hu li jaqla’ lil Mattew mill-poter: minn bilqiegħda jirċievi mingħand l-oħrajn, ipoġġih f’moviment lejn l-oħrajn, ma jirċevix, le: imur għand l-oħrajn; iġagħlu jħalli l-pożizzjoni ta’ supremazija biex ipoġġih daqs ħutu u jiftaħlu l-ixfqa tal-qadi. Dan hu fundamentali għall-Insara: aħna dixxipli ta’ Ġesù, aħna Knisja, qegħdin bilqiegħda nistennew in-nies ġejja, jew nafu nqumu, nimxu mal-oħrajn, infittxu lill-oħrajn? Hija pożizzjoni xejn Nisranija li tgħid: “Ħa jiġu huma, jiena hawn qiegħed, ħa jiġu”. Le, mur int fittixhom, middu int l-ewwel pass.

Ħarsa – Ġesù ra –, moviment – qam – u t-tielet, destinazzjoni. Wara li qam u mexa wara Ġesù, fejn mar Mattew? Nistgħu nimmaġinaw li, issa li l-ħajja ta’ dak ir-raġel inbidlet, l-Imgħallem mexxieh lejn laqgħat ġodda, esperjenzi spiritwali ġodda. Le, jew tal-inqas mhux mill-ewwel. L-ewwel nett Ġesù jmur fid-dar tiegħu; hemm Mattew iħejjilu “laqgħa kbira”, li fiha “kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani” (Lq 5:29), jiġifieri nies bħalu. Mattew reġa’ lura fl-ambjent tiegħu, imma reġa’ lura mibdul u flimkien ma’ Ġesù. Iż-żelu appostoliku tiegħu ma jibdiex f’post ġdid, pur, post ideali, imbiegħed, imma hemm, jibda fejn jgħix hu, man-nies li jaf hu. Dan hu l-messaġġ għalina: ma rridux nistennew li nkunu perfetti u li nkunu għamilna mixja twila wara Ġesù biex nibdew nagħtu xhieda tiegħu; it-tħabbira tagħna tibda llum, hemm fejn ngħixu. U ma tibdiex billi nfittxu nikkonvinċu oħrajn, nikkonvinċu le: imma nagħtu xhieda ta’ kuljum tal-ġmiel tal-Imħabba li ħarset lejna u refgħetna, u jkun dan il-ġmiel, meta nikkomunikaw dan il-ġmiel, li jikkonvinċi lin-nies, mhux nikkomunikaw lilna nfusna, imma lill-Mulej innifsu. Aħna dawk li jxandru lill-Mulej, ma nxandrux lilna nfusna, lanqas inxandru partit politiku, ideoloġija, le: inxandru lil Ġesù. Hemm bżonn indaħħlu lil Ġesù f’kuntatt man-nies, mingħajr ma nippruvaw nikkonvinċuhom, imma nħallu li l-Mulej jikkonvinċi hu. Kif fil-fatt għallimna l-Papa Benedittu, “il-Knisja ma tagħmilx proselitiżmu. Hi pjuttost tikber bl-attrazzjoni” (Omelija fil-Quddiesa tal-inawgurazzjoni tal-V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u tal-Karribew, Aparecida, 13 ta’ Mejju 2007). Tinsewhx dan: meta intom taraw Insara li qed jagħmlu proselitiżmu, li jagħmlulek lista tan-nies li jridu jiġu… dawn mhumiex Insara, huma pagani ta’ Nsara, imma l-qalb hi pagana. Il-Knisja tikber mhux bil-proselitiżmu, tikber bl-attrazzjoni. Darba niftakar li fi sptar fi Buenos Aires telqu s-sorijiet li kienu jaħdmu hemm għax kienu ftit u ma setgħux ikomplu jmexxu l-isptar, u ġiet komunità ta’ sorijiet mill-Korea, u waslu, ejja ngħidu t-Tnejn, ma niftakrux il-jum. Daħlu fid-dar tas-sorijiet tal-isptar u t-Tlieta niżlu jżuru l-morda tal-isptar, imma ma kinux jgħidu kelma bl-Ispanjol, kienu jitkellmu biss bil-Korean, u l-morda kienu ferħanin, għax kienu jikkummentaw: “Bravi dawn is-sorijiet, bravi, bravi” – Imma x’qaltlek is-soru? “Xejn, imma bil-ħarsa tagħha kellmitni, għaddewli lil Ġesù”. Ma nikkomunikawx lilna nfusna, imma bil-ħarsa, bil-ġesti, nikkomunikaw lil Ġesù. Din hi l-attrazzjoni, il-maqlub ta’ proselitiżmu.

Din ix-xhieda attraenti, din ix-xhieda hienja hija d-destinazzjoni li lejha jeħodna Ġesù bil-ħarsa tiegħu ta’ mħabba u bil-moviment ta’ ħruġ li l-Ispirtu tiegħu jqanqal fil-qalb tagħna. U aħna nistgħu naħsbu jekk il-ħarsa tagħna tixbahx lil dik ta’ Ġesù biex niġbdu n-nies, biex inqarrbuhom lejn il-Knisja. Ejjew naħsbu f’dan.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard