Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Aħna u nitkellmu fuq l-evanġelizzazzjoni u fuq iż-żelu appostoliku, wara li rajna x-xhieda ta’ San Pawl, veru “kampjun” ta’ żelu appostoliku, illum il-ħarsa tagħna ddur mhux fuq figura waħda, imma fuq il-ġemgħa tal-martri, irġiel u nisa ta’ kull età, lingwa u nazzjon li taw ħajjithom għal Kristu, li xerrdu demmhom biex jistqarru lil Kristu. Wara l-ġenerazzjoni tal-Appostli, kienu huma, per eċċellenza, ix-“xhieda” tal-Vanġelu. Il-martri: l-ewwel wieħed kien id-djaknu San Stiefnu, imħaġġar barra mill-ħitan ta’ Ġerusalemm. Il-kelma “martirju” ġejja mill-Grieg martyria, li tfisser sewwasew xhieda. Martri hu xhud, dak li jagħti xhieda sat-tixrid ta’ demmu. Madankollu, malajr fil-Knisja l-kelma martri bdiet tintuża biex tfisser min jagħti xhieda bit-tixrid ta’ demmu. Jiġifieri, l-ewwel il-kelma martri kienet tfisser ix-xhieda li tingħata ta’ kuljum, u mbagħad bdiet tintuża biex tfisser dak li jagħti ħajtu bit-tixrid ta’ demmu.

Imma l-martri ma rridux narawhom bħala “eroj” li aġixxew individwalment, bħal ward li spunta f’deżert, imma bħala frott matur u eċċellenti tad-dielja tal-Mulej, li hija l-Knisja. B’mod partikulari, l-Insara, bis-sehem assidwu tagħhom fl-Ewkaristija, kienu mwassla mill-Ispirtu biex jibnu ħajjithom fuq dan il-misteru ta’ mħabba: jiġifieri fuq il-fatt li l-Mulej Ġesù kien ta ħajtu għalihom, u għalhekk anki huma setgħu u kellhom jagħtu ħajjithom għalih u għal ħuthom. Ġenerożità kbira, il-mixja ta’ xhieda Nisranija. Santu Wistin jisħaq spiss fuq din id-dinamika ta’ gratitudni u ta’ skambju b’xejn tad-don. Dan hu, ngħidu aħna, xi pprietka fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Lawrenz: “Lawrenz qeda l-uffiċċju ta’ djaknu fl-istess Knisja ta’ Ruma. Hemmhekk qassam id-demm ta’ Kristu; hemmhekk xerred demmu għall-isem ta’ Kristu. Jidher tajjeb li l-Appostlu San Ġwann kellu f’moħħu l-misteru tal-ikla tal-Mulej meta qal: ‘Bħalma Kristu ta ħajtu għalina, hekk aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa’ (1 Ġw 3:16). Ħuti, San Lawrenz fehmu sewwa dan il-kliem; hekk fehem, u hekk għamel; u dak kollu li ħa minn dik l-ikla, dak stess ħejja. Ħabb lil Kristu f’ħajtu, u sar jixbhu fil-mewt” (Disc. 304, 14; PL 38, 1395-1397). Hekk Santu Wistin fisser id-dinamiżmu spiritwali li kien iqanqal il-martri. B’dawn il-kelmiet: il-martri jħobbu lil Kristu fil-ħajja tiegħu u jixbhuh fil-mewt tiegħu.

Għeżież ħuti, illum niftakru lkoll fil-martri li sieħbu l-ħajja tal-Knisja. Huma, kif diġà għidt tant drabi, huma iżjed fil-għadd fi żmienna milli kienu fl-ewwel sekli. Illum għandna tant martri fil-Knisja, ħafna, għax biex jistgħu jistqarru l-fidi Nisranija jiġu mkeċċija mis-soċjetà jew jispiċċaw il-ħabs… Huma ħafna. Il-Konċilju Vatikan II ifakkarna li “l-Knisja għalhekk tqis il-martirju, li bih id-dixxiplu jsir jixbah lill-Imgħallem li aċċetta l-mewt għas-saħħa tad-dinja, u jikkonforma ruħu miegħu fit-tixrid tad-demm, bħal l-ogħla don li wieħed jista’ jirċievi u l-akbar prova ta’ mħabba li jista’ jagħti” (Kostituzzjoni Lumen gentium, 42). Il-martri, bħal Ġesù u bil-grazzja tiegħu, mill-vjolenza ta’ min jirrifjuta l-aħbar jagħmlu okkażjoni l-aktar għolja ta’ mħabba, li tasal sal-maħfra tal-istess persekuturi tagħhom. Interessanti din: il-martri jaħfru dejjem lill-persekuturi tagħhom. Stiefnu, l-ewwel martri, miet jitlob: “Mulej, aħfrilhom, ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Il-martri jitolbu għall-persekuturi tagħhom.

Imqar jekk ftit huma dawk li minnhom jiġi mitlub il-martirju, “jeħtieġ iżda li kulħadd ikun lest biex jistqarr lil Kristu quddiem il-bnedmin kollha u biex jimxi warajh fit-triq tas-salib f’nofs il-persukuzzjonijiet li qatt ma jonqsu fil-Knisja” (ibid., 42). Imma din tal-persekuzzjoni hi ħaġa ta’ dak iż-żmien? Le, le: illum. Illum hawn persekuzzjonijiet kontra l-Insara tad-dinja, ħafna, ħafna. Huma ħafna iktar il-martri tal-lum minn dawk tal-ewwel żminijiet. Il-martri juruna li kull Nisrani hu msejjaħ għax-xhieda tal-ħajja, imqar jekk ma jasalx sat-tixrid ta’ demmu, billi jagħmel minnu nnifsu don lil Alla u lil ħutu, fuq ix-xebh ta’ Ġesù.

U nixtieq nagħlaq billi nfakkar ix-xhieda Nisranija preżenti f’kull rokna tad-dinja. Qed naħseb, ngħidu aħna, fil-Yemen, art li ilha snin twal midruba minn gwerra terribbli, minsija, li ħolqot tant imwiet u li sal-lum qed iġġagħal ħafna nies ibatu, speċjalment it-tfal. Proprju f’din l-art kien hemm tant xhieda mdawla ta’ fidi, bħal dik tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, li taw ħajjithom hemm. Illum ukoll għadhom preżenti fil-Yemen, fejn joffru għajnuna lil anzjani morda u lil persuni b’diżabbiltà. Xi wħud minnhom ġarrbu l-martirju, imma l-oħrajn qed ikomplu, jirriskjaw ħajjithom, imma qed ikomplu. Jilqgħu lil kulħadd, minn kull reliġjon, għax il-karità u l-fraternità ma għandhomx konfini. F’Lulju 1998 Swor Aletta, Swor Zelia u Swor Michael, huma u sejrin lura d-dar wara l-quddiesa, ġew maqtula minn fanatiku, għax kienu Nsara. Iktar fil-qrib lejna, ftit wara l-bidu tal-kunflitt li għadu għaddej, f’Marzu 2016, Swor Anselm, Swor Marguerite, Swor Reginette u Swor Judith ġew maqtula flimkien ma’ xi lajċi li kienu jgħinuhom fl-opra tal-karità fost l-aktar foqra. Dawn huma l-martri ta’ żmienna. Fost dawn il-lajċi maqtula, barra l-Insara kien hemm fidili Musulmani li kienu jaħdmu mas-sorijiet. Kommoventi kif ix-xhieda tad-demm tista’ tgħaqqad flimkien persuni ta’ reliġjonijiet differenti. Qatt ma għandna noqtlu f’isem Alla, għax għalih aħna lkoll aħwa. Imma flimkien nistgħu nagħtu ħajjitna għall-oħrajn.

Ejjew mela nitolbu, biex ma nehdew qatt nagħtu xhieda tal-Vanġelu anki fi żmien ta’ tiġrib. Ħa jkunu l-qaddisin martri kollha żerriegħa ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-popli għal dinja iżjed umana u fraterna, fl-istennija li tidher fil-milja tagħha s-Saltna tas-smewwiet, meta Alla jkun kollox f’kulħadd (ara 1 Kor 15:28).

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard