Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fost il-ħafna xhieda tal-passjoni għat-tħabbira tal-Vanġelu, dawk l-evanġelizzaturi appassjonati, illum nippreżenta l-figura ta’ mara Franċiża tas-seklu 20, il-Venerabbli Qaddejja ta’ Alla Madeleine Delbrêl. Twieldet fl-1904 u mietet fl-1964, kienet assistenta soċjali, kittieba u mistika, u għexet għal fuq 30 sena fil-periferija fqira tal-Pariġi fejn kienu joqogħdu l-ħaddiema. Imsaħħra mil-laqgħa tagħha mal-Mulej, kitbet: “Meta niltaqgħu mal-Kelma ta’ Alla, ma għandniex dritt ma nilqgħuhiex; la nirċevuha, ma għandniex dritt ma nħalluhiex titlaħħam fina, u ladarba tkun tlaħħmet fina, ma għandniex dritt inżommuha għalina: minn dak il-mument aħna nappartienu lil dawk li qed jistennewha” (La santità della gente comune, Milano 2020, 71). Sabiħ: kemm hu sabiħ dan li kitbet…

Wara adolexxenza fl-anjostiċiżmu – ma kienet temmen f’xejn –, ta’ xi 20 sena Madeleine ltaqgħet mal-Mulej, milquta mix-xhieda ta’ xi ħbieb tagħha li kienu jemmnu. Hawn hi bdiet tfittex lil Alla, u hekk fehmet x’kien dak l-għatx qawwi li kienet tħoss fiha, waslet biex tifhem li dak il-“vojt li fiha kien sar karba ta’ wġigħ” kien Alla li kien qed ifittixha (Abbagliata da Dio. Corrispondenza 1910-1941, Milano 2007, 96). Il-ferħ tal-fidi wassalha għal għażla ta’ ħajja kollha kemm hi mogħtija lil Alla, fil-qalba tal-Knisja u fil-qalba tad-dinja, billi sempliċiment taqsam fil-fraternità l-ħajja tan-“nies tat-triq”. Poetikament tindirizza lil Ġesù b’dan il-mod: “Biex inkunu miegħek fit-triq tiegħek, hemm bżonn li mmorru, anki meta t-telqa tagħna tridna nibqgħu. Int għażiltna biex noqogħdu f’bilanċ stramb, bilanċ li jista’ jintlaħaq u jinżamm biss f’moviment, f’ċaqliqa. Xi ftit jew wisq bħar-rota, li ma żżommx wieqfa jekk ma ddurx […] Nistgħu nżommu dritti biss jekk nimxu ’l quddiem, niċċaqilqu, fid-direzzjoni tal-imħabba”. Din hi dik li hi ssejħilha l-“ispiritwalità tar-rota” (Umorismo nell’Amore. Meditazioni e poesie, Milano 2011, 56). Huwa biss jekk nimxu, jekk niġru, li aħna ngħixu l-bilanċ tal-fidi, li hu żbilanċ, imma hekk hu: bħar-rota. Jekk int tieqaf, din ma żżommx.

Madeleine kellha qalbha kontinwament ħierġa u ħalliet tisfidaha l-karba tal-foqra. Kienet tħoss li Alla l-Ħaj tal-Vanġelu għandu jkebbsina bin-nar minn ġewwa sa ma nwasslu l-isem tiegħu lil dawk li għadhom ma sabuhx. F’dan l-ispirtu, imċaqilqa mit-tqanqil tad-dinja u l-karba tal-foqra, Madeleine tħossha msejħa “tgħix l-imħabba ta’ Ġesù kollha kemm hi u litteralment, miż-żejt tas-Samaritan it-tajjeb sal-ħall tal-Kalvarju, u hekk troddlu mħabba bi mħabba […] għax, meta nħobbuh bla qies u nħalluh iħobbna għall-aħħar, iż-żewġ kmandamenti tal-imħabba jitlaħħmu fina u jsiru wieħed” (La vocation de la charité, 1, Œuvres complètes XIII, Bruyères-le-Châtel, 138-139).

Fl-aħħar nett, Madeleine tgħallimna ħaġa oħra: li meta nevanġelizzaw, niġu evanġelizzati: meta nevanġelizzaw, aħna niġu evanġelizzati. Imma kienet tgħid, f’eku ta’ kliem San Pawl: “Ħażin għalija jekk jien u nevanġelizza ma niġix evanġelizzata”. Meta nevanġelizzaw lill-oħrajn, niġu evanġelizzati aħna. U dan hu tagħlim sabiħ.

Aħna u nħarsu lejn din ix-xhud tal-Vanġelu, aħna wkoll nitgħallmu li f’kull sitwazzjoni u ċirkustanza personali jew soċjali ta’ ħajjitna, il-Mulej hu preżenti u jsejħilna biex ngħixu fi żmienna, biex naqsmu ħajjitna mal-oħrajn, biex nitħalltu mal-ferħ u n-niket tad-dinja. B’mod partikulari, tgħallimna li mqar l-ambjenti sekularizzati huma ta’ għajnuna għall-konverżjoni, għax il-kuntatti ma’ min ma jemminx jipprovokaw lil min jemmen għal reviżjoni kontinwa tal-mod kif hu jemmn u biex jiskopri mill-ġdid il-fidi fl-essenzjalità tagħha (ara Noi delle strade, Milano 1988, 268s).

Inħallu lil Madeleine Delbrêl tgħallimna ngħixu din il-fidi “f’moviment”, ħa ngħidu hekk, din il-fidi għammiela li kull att ta’ fidi tibdlu f’att ta’ mħabba u karità fix-xandir tal-Vanġelu. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard