Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

L-Erbgħa li għaddiet bdejna ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq il-figura ta’ San Ġużepp – wasalna fit-tmiem tas-Sena ddedikata lilu –. Illum inkomplu b’din il-mixja u nieqfu fuq ir-rwol tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni.

Ġesù fil-Vanġeli hu indikat bħala “bin Ġużeppi” (Lq 3:23; 4:22; Ġw 1:45; 6:42) u “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55; Mk 6:3). L-evanġelisti Mattew u Luqa, meta jirrakkontaw it-tfulija ta’ Ġesù, jagħtu spazju lir-rwol ta’ Ġużeppi. It-tnejn li huma jinsġu “ġenealoġija”, biex juru l-istoriċità ta’ Ġesù. Mattew, li qed jindirizza fuq kollox lill-Insara Lhud, jibda minn Abraham biex jasal sa Ġużeppi, imsejjaħ “ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija” (1:16). Imma Luqa jmur lura sa Adam, u jibda direttament minn Ġesù, li kien “bin Ġużeppi”, imma jippreċiża: “in-nies kienu jaħsbuh” hekk (3:23). Mela, iż-żewġ evanġelisti jippreżentaw lil Ġużeppi mhux bħala missier bijoloġiku, imma xorta waħda bħala missier veru ta’ Ġesù. Permezz tiegħu, Ġesù jwassal fil-milja tagħha l-istorja tal-Patt u tas-salvazzjoni bejn Alla u l-bniedem. Għal Mattew din l-istorja tibda b’Abraham, għal Luqa bl-istess bidu tal-umanità, jiġifieri ma’ Adam.

L-evanġelista Mattew jgħinna nifhmu kif il-figura ta’ Ġużeppi, imqar jekk tidher inqas importanti, u diskreta, fit-tieni post, tirrappreżenta parti ċentrali tal-istorja tas-salvazzjoni. Ġużeppi jgħix il-protagoniżmu tiegħu mingħajr qatt ma jipprova jisraq ix-xena. Jekk naħsbu ftit, “il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti […]. Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd” (Ittra appostolika Patris corde, 3). Hekk, kulħadd jista’ jsib f’San Ġużepp, il-bniedem li jgħaddi mingħajr ħadd ma jinnutah, il-bniedem tal-preżenza ta’ kuljum, tal-preżenza diskreta u moħbija, interċessur, għajnuna u gwida fil-mumenti ta’ diffikultà. Hu jfakkarna li dawk kollha li jidhru moħbija għall-għajnejn ta’ barra jew jinsabu fit-“tieni post”, għandhom protagoniżmu li m’hawnx ieħor bħalu fl-istorja tas-salvazzjoni. Id-dinja għandha bżonn ta’ dawn l-irġiel u nisa: irġiel u nisa tat-tieni post, imma li jwieżnu l-iżvilupp tal-ħajja tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna, u li bit-talb, bl-eżempju, bit-tagħlim jgħinuna fit-triq tal-ħajja.

Fil-Vanġelu ta’ Luqa, Ġużeppi jidher bħala l-ħarries ta’ Ġesù u ta’ Marija. U għalhekk huwa wkoll “il-Ħarries tal-Knisja”: għax, jekk kien il-ħarries ta’ Ġesù u ta’ Marija, issa li jinsab fis-smewwiet jaħdem u jkompli jagħmilha ta’ ħarries, f’dan il-każ tal-Knisja; “għax il-Knisja qed tissokta tkun il-Ġisem ta’ Kristu fl-istorja, u fl-istess waqt fil-maternità tal-Knisja hemm moħbija l-maternità ta’ Marija. Ġużeppi, meta jissokta jħares lill-Knisja – nitlobkom, tinsewhx dan: illum, Ġużeppi qed iħares lill-Knisja – jissokta jħares lit-Tifel u lil ommu” (ibid., 22). Dan l-aspett tal-ħarsien ta’ Ġużeppi huwa t-tweġiba l-kbira għar-rakkont tal-Ġenesi. Meta Alla jitlob kont lil Kajjin għall-ħajja ta’ Abel, dan iwieġbu: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (4:9). Ġużeppi, bil-ħajja tiegħu, donnu jrid jgħidilna li aħna msejħin dejjem biex inħossuna ħarriesa ta’ ħutna, ħarriesa ta’ min jinsab maġenbna, ta’ min il-Mulej jafdalna permezz ta’ tant ċirkustanzi tal-ħajja.

Soċjetà bħal din tagħna ġiet imsejħa “likwida”, għax donnha ma għandhiex konsistenza. Jiena nikkoreġi lil dan il-filosfu li ħareġ b’din id-definizzjoni u ngħid: iktar milli likwida, ‘gassuża’, soċjetà proprjament ‘gassuża’. Din is-soċjetà likwida, gassuża ssib fl-istorja ta’ Ġużeppi indikazzjoni preċiża dwar l-importanza tar-rabtiet umani. Fil-fatt, il-Vanġelu jirrakkontalna l-ġenealoġija ta’ Ġesù mhux biss għal raġuni teoloġika, imma biex ifakkar lil kull wieħed u waħda minna li l-ħajja tagħna hi magħmula minn rabtiet li jinsabu hemm qabilna u jseħbuna. L-Iben ta’ Alla, biex ġie fid-dinja, għażel din it-triq tar-rabtiet, it-triq tal-istorja: ma niżilx fid-dinja b’mod maġiku, le. Mexa t-triq tal-istorja li nimxu lkoll kemm aħna.

Għeżież ħuti, qed naħseb f’tant persuni li jbatu biex isibu rabtiet sinifikattivi f’ħajjithom, u proprju minħabba f’hekk izappu, iħossuhom waħidhom, ma għandhomx is-saħħa u l-kuraġġ biex jibqgħu mexjin ’il quddiem. Nixtieq nagħlaq b’talba li tgħin lilhom u lilna lkoll insibu f’San Ġużepp alleat, ħabib u għajnuna.

San Ġużepp,
int li ħarist ir-rabta tiegħek ma’ Marija u ma’ Ġesù,
għinna nieħdu ħsieb tar-relazzjonijiet f’ħajjitna.
Agħmel li ħadd ma jħoss sens ta’ abbandun
li jiġi mis-solitudni.
Għin lil kulħadd jitħabbeb mal-istorja tiegħu,
ma’ min ġie qablu,
u jagħraf ukoll fl-iżbalji li għamel
bieb li nfetaħ għall-Providenza,
fejn il-ħażen ma kellux l-aħħar kelma.
Uri li int ħabib għal min l-iżjed li qed isibha bi tqila,
u kif weżint lil Marija u lil Ġesù fil-mumenti ibsin,
hekk wieżen lilna wkoll fil-mixja tagħna. Amen.