Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja ta’ katekeżi fuq il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, jiġifieri ż-żelu appostoliku, illum se nieqfu fuq ix-xhieda ta’ San Danjel Comboni. Hu kien appostlu mimli żelu għall-Afrika. Fuq dawk il-popli kiteb: “ħadu pussess ta’ qalbi li tħabbat biss għalihom” (Kitbiet, 941), “immut bl-Afrika fuq xofftejja” (Kitbiet, 1441). Kemm hu sabiħ!… U lilhom qalilhom hekk: “L-isbaħ fost il-jiem tiegħi ikun dak li fih għad inkun nista’ nagħti ħajti għalikom” (Kitbiet, 3159). Din hija l-espressjoni ta’ persuna nnamrata ma’ Alla u tal-aħwa li kien jaqdi fil-missjoni, u f’dan ma kienx jegħja jfakkar li “Ġesù Kristu bata u miet għalihom ukoll” (Kitbiet, 2499; 4801).

Dan hu stqarru f’kuntest ikkaratterizzat mill-orruri tal-iskjavitù, li tagħhom hu kien xhud. L-iskjavitù lill-bniedem tagħmlu oġġett, li l-valur tiegħu jiġi ridott għas-siwi li għandu għal xi ħadd jew għal xi ħaġa. Imma Ġesù, Alla magħmul bniedem, għolla d-dinjità ta’ kull bniedem u kixef il-maskra tal-qerq ta’ kull jasar. Comboni, fid-dawl ta’ Kristu, għaraf il-ħażen tal-iskjavitù; barra minn hekk, fehem li l-iskjavitù soċjali għandu għeruqu fi skjavitù iżjed profond, dak tal-qalb, dak tad-dnub, li minnu l-Mulej jeħlisna. Għalhekk, bħala Nsara aħna msejħin niġġieldu kontra kull xorta ta’ skjavitù. B’xorti ħażina, imma, l-iskjavitù, bħall-kolonjaliżmu, mhuwiex tifkira tal-passat, b’xorti ħażina. Fl-Afrika tant maħbuba minn Comboni, illum imċappsa b’tant kunflitti, “wara dak politiku, faqqa’ (…) ‘kolonjaliżmu ekonomiku’, li daqstant ieħor ijassar (…). Hi traġedja li quddiemha d-dinja ekonomikament iżjed avvanzata spiss tagħlaq għajnejha, widnejha u fommha”. U għalhekk inġedded l-appell tiegħi: “Ejjew ma nifgawhiex iżjed lill-Afrika: mhijiex xi minjiera biex nisfruttawha jew art biex naħtfuha” (Laqgħa mal-Awtoritajiet, Kinshasa, 31 ta’ Jannar 2023).

U nerġgħu lura għall-istorja ta’ San Danjel. Wara li qatta’ l-ewwel perjodu fl-Afrika, kellu jħalli l-missjoni minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Kienu mietu wisq missjunarji wara li laqqtu xi mard, minħabba wkoll il-ftit għarfien tar-realtajiet lokali. Madankollu, jekk oħrajn abbandunaw l-Afrika, Comboni ma għamilx hekk. Wara żmien ta’ dixxerniment, ħass li l-Mulej kien qed inebbħu għal triq ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hu ġabar f’dawn il-kelmiet: “Insalva l-Afrika bl-Afrika” (Kitbiet, 2741s). Hija intuwizzjoni qawwija, ma hemm xejn kolonjaliżmu f’dan: hija intuwizzjoni qawwija li tat sehemha biex iġġedded l-impenn missjunarju: il-persuni evanġelizzati ma kinux biss “oġġetti”, imma “suġġetti” tal-missjoni. U San Danjel Comboni xtaq jagħmel mill-Insara kollha protagonisti tal-azzjoni evanġelizzatriċi. U b’dan l-ispirtu ħaseb u aġixxa b’mod sħiħ, billi involva lill-kleru lokali u ppromova s-servizz lajkali tal-katekisti. Il-katekisti huma teżor tal-Knisja: il-katekisti huma dawk li jimxu ’l quddiem fl-evanġelizzazzjoni. Hekk ukoll ħares lejn l-iżvilupp uman, u rawwem oqsma tal-arti u l-professjonijiet, b’attenzjoni għar-rwol tal-familja u tal-mara fit-trasformazzjoni tal-kultura u tas-soċjetà. U kemm hu importanti, illum ukoll, li naħdmu biex il-fidi u l-iżvilupp uman jikbru minn ħdan il-kuntesti tal-missjoni, flok nippruvaw nagħmlu trapjanti ta’ mudelli esterni jew nillimitaw ruħna għal assistenzjaliżmu sterili! La mudelli esterni u lanqas assistenzjaliżmu. Insibu fil-kultura tal-popli t-triq biex biha nevanġelizzaw. Nevanġelizzaw il-kultura u ninkulturaw il-Vanġelu: dawn jimxu id f’id.

Minkejja dan, il-passjoni kbira missjunarja ta’ Comboni ma kinitx prinċipalment frott tat-taħbit uman: hu ma kienx imbuttat mill-kuraġġ tiegħu jew immotivat biss minn valuri importanti, bħalma huma l-libertà, il-ġustizzja u l-paċi; iż-żelu tiegħu nibet mill-ferħ tal-Vanġelu, kien jixrob mill-imħabba ta’ Kristu u jwassal għall-imħabba lejn Kristu! San Danjel kiteb hekk: “Missjoni hekk kbira u li titlob ħidma bħal din tagħna ma tistax tgħix bil-qoxra, b’suġġetti li jagħmlu kollox bilfors mimlija egoiżmu u minfuħa bihom infushom, li ma jiħdux ħsieb kif imiss tas-saħħa u l-konverżjoni tar-ruħ”. Din hi t-traġedja tal-klerikaliżmu, li twassal lill-Insara, anki l-lajċi, biex jikklerikalizzaw ruħhom u tibdilhom – kif jgħid hu hawn – f’suġġetti li jagħmlu l-affarijiet għax bilfors u huma mimlija egoiżmu. Din hija l-pesta tal-klerikaliżmu. U żied: “hemm bżonn inkebbsuhom bl-imħabba, li għandha l-għajn tagħha f’Alla, u fl-imħabba ta’ Kristu; u meta nħobbu tassew lil Kristu, allura ċ-ċaħdiet, it-tbatijiet u l-martirju jsiru ħlewwiet” (Kitbiet, 6656). Ix-xewqa tiegħu kienet dik li jara missjunarji mħeġġa, hienja, ħabrieka: missjunarji – kiteb – “qaddisa u kapaċi. […] L-ewwel: qaddisin, jiġifieri ma jafux x’inhu d-dnub u umli. Imma mhux biżżejjed: hemm bżonn tal-imħabba li tagħti l-ħila lis-suġġetti” (Kitbiet, 6655). L-għajn tal-ħila missjunarja, għal Comboni, hija l-imħabba, b’mod partikulari ż-żelu f’li wieħed jagħmel tiegħu t-tbatijiet ta’ ħaddieħor.

Barra dan, il-passjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni qatt ma wasslitu biex jaġixxi waħdu, imma dejjem f’komunjoni, fil-Knisja. “Ma għandi xejn għajr ħajti x’nikkonsagra għall-ġid ta’ dawk l-erwieħ”, kiteb, “mhux li kelli elf waħda biex nikkonsmahom għal dan il-għan” (Kitbiet, 2271). 

Ħuti, San Danjel jagħtina xhieda tal-imħabba tar-Ragħaj it-tajjeb, li jmur ifittex lil min intilef u jagħti ħajtu għall-merħla. Iż-żelu tiegħu kien enerġetiku u profetiku biex ħadha kontra l-indifferenza u l-esklużjoni. Fl-ittri tiegħu huwa jsejjaħ b’qalb maqsuma lill-Knisja maħbuba tiegħu, li għal wisq żmien kienet insiet lill-Afrika. Il-ħolma ta’ Comboni hi Knisja li tagħmel tagħha l-kawża tal-imsallbin tal-istorja, biex magħhom idduq il-qawmien. Jiena, bħalissa, nagħtikom suġġeriment. Aħsbu fl-imsallbin tal-istorja tal-lum: irġiel, nisa, tfal, xjuħ li huma msallbin minn stejjer ta’ inġustizzja u ta’ dominazzjoni. Ejjew naħsbu fihom u nitolbu. Ix-xhieda tiegħu donnha qed ittenni lilna lkoll, irġiel u nisa tal-Knisja: “Tinsewx il-foqra, ħobbuhom, għax fihom hemm Ġesù msallab, jistenna li jqum”. Tinsewhomx lill-foqra: qabel ma ġejt hawn, kelli laqgħa ma’ leġislaturi Brażiljani li jaħdmu mal-foqra, li jfittxu li jippromovu l-foqra bl-għajnuna u l-ġustizzja soċjali. U huma lill-foqra ma jinsewhomx: jaħdmu għall-foqra. Lilkom ngħidilkom: tinsewhomx il-foqra, għax huma se jkunu li jiftħulkom il-bieb tas-Sema. 

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard