L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bħal‑lum disgħa u ħamsin sena ilu, Malta ċċelebrat it‑twelid tagħha bħala stat sovran u indipendenti, immexxi mill‑Maltin. Għall‑ewwel darba pajjiżna ma kienx aktar dipendenti fuq deċiżjonijiet li jieħu ħaddieħor għalina. Ma bqajniex poplu maħkum, imma l‑ħakma waqgħet f’idejn il‑poplu, li kull ħames snin jagħżel lil min se jiddelega biex jeżerċita din il‑ħakma.

Bħala stat sovran, forsi illudejna ruħna li konna ħlisna darba għal dejjem minn dawk id‑dipendenzi li ma jħalluniex nikbru u nilħqu l‑milja tagħna. Madanakollu, wara kważi sittin sena minn din il‑ġrajja storika, tajjeb nieqfu u nistaqsu lilna nfusna x’fissret tassew għalina l‑indipendenza tagħna, u kemm aħna indipendenti llum.

Wieħed ma jistax ma jindunax li hekk kif nimxu fit‑toroq tagħna llum, niltaqgħu ma’ poplu li ta’ spiss hu mmexxi minn interessi kummerċjali u personali. Il‑mistoqsija li rridu nistaqsu, hi: Fil‑ġirja tagħna għas‑suċċess ekonomiku, ħloqna dipendenzi ġodda? Jista’ jkun li poġġejna l‑qligħ finanzjarju ta’ malajr u l‑iżvilupp bla rażan qabel il‑ġid tan‑nazzjon sovran tagħna? Jista’ jkun li poġġejna t‑tkabbir tal‑gwadann finanzjarju qabel il‑kwalità tal‑ħajja tagħna u qabel il‑valuri tagħna bħala Maltin – u fil‑proċess warrabna lill‑persuni l‑aktar żvantaġġjati fis‑soċjetà tagħna? 

Fit‑tfittxija tagħna għas‑suċċess ekonomiku, jista’ jkun qbilna mar‑realtà inaċċettabbli li nħallu lil ħutna l‑Maltin f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ għajxien u b’pagi li bilkemm ikopru ġimgħa, aħseb u ara xahar? 

Fit‑tfittxija tagħna għas‑suċċess ekonomiku, jista’ jkun li sfruttajna lil dawk li stedinna f’pajjiżna biex jaqdu l‑bżonnijiet bażiċi tagħna u poġġejniehom f’kundizzjonijiet intollerabbli li huma ekwivalenti għall‑jasar? Possibbli li minn poplu kolonizzat sirna poplu kolonizzatur? 

Iva, aħna ħatja ta’ dawn l‑affarijiet kollha. U għandna biex nisħtu!

Kultant nintebħu bil‑fqar meta naqraw xi statistika jew meta nagħtu xi donazzjoni waqt xi maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Madankollu, is‑sejħa għall‑azzjoni tmur lil hinn minn hekk. Li hu mitlub minna hu eżerċizzju attiv ta’ smigħ; hemm bżonn ta’ attenzjoni u l‑kompassjoni ta’ qalb li tħobb.  

Nagħtu kas lill‑proxxmu

Għaxar snin ilu, waqt iż‑żjara tiegħu f’Lampedusa, il‑Papa Franġisku kkundanna b’mod ċar u qawwi l‑globalizzazzjoni tal‑indifferenza. Bħall‑għani tal‑Evanġelju li qrajna llum, tant aħna mehdijin niġru wara s‑suċċess, il‑materjaliżmu u r‑rikonoxximent, li lanqas biss nindunaw bil‑bniedem mixħut fuq l‑għatba tal‑bieb tagħna. Lanqas biss narawh, aħseb u ara kemm nagħtu kasu! 

Ma rridux nagħmlu l‑iżball li lill‑fqar narawhom biss bħala benefiċċjarji tal‑kura u l‑ġenerożità tagħna.

Huwa minnu li kollox jindara imma ċerti affarijiet m’għandna qatt nidrawhom. Huwa ta’ skandlu li numru dejjem ikbar ta’ nies qed jorqdu barra fit‑toroq tagħna, u li mijiet ta’ ħutna saru dipendenti fuq is‑soup kitchens biex jitrejqu. Qatt u qatt m’għandna naċċettaw dawn is‑sitwazzjonijiet bħala normali!

Ma rridux nagħmlu l‑iżball li lill‑fqar narawhom biss bħala benefiċċjarji tal‑kura u l‑ġenerożità tagħna. Ma rridux inħeġġu lil dawk il‑persuni li għaddejin minn ċerti diffikultajiet biex japplikaw għall‑‘benefiċċji soċjali’ li mhumiex intitolati għalihom u li sussegwentement jinkisbu b’mod qarrieqi. Dan, flimkien mal‑prattika korrotta li ħafna drabi jġib miegħu, huwa att ta’ serq min‑nazzjon tagħna u abbuż tas‑sovranità li tant ħadmu għaliha missirijietna disgħa u ħamsin sena ilu.

Aktar milli nitkellmu dwar il‑foqra, irridu nibdew niddjalogaw magħhom! Jeħtieġ inwessgħu ċ‑ċirku ta’ qalbna u tas‑soċjetà tagħna sabiex ma neskludux lil dawk li s‑soltu nitfgħuhom ’il barra u nħalluhom jistennew loqma ħobż “ħdejn il‑bieb ta’ barra” (Lq 16:20). Irridu nistednuhom ġewwa u nħalluhom jokkupaw l‑ispazju tan‑nofs. Dan l‑ispazju huwa l‑ispazju tal‑inkontru, tal‑laqgħa, fejn il‑foqra jsiru mhux biss ħbieb tagħna imma saħansitra għalliema tagħna.

Huwa biss meta noħolqu dawn l‑ispazji ta’ inkontru ma’ ħutna fil‑bżonn, inkunu verament qed niftħu possibilitajiet ta’ djalogu ġenwin magħhom, u nkunu tassew qed ngħixu l‑aspirazzjoni ta’ poplu ħieles u magħqud. 

Jekk irridu nieħdu l‑foqra bis‑serjetà u mmorru lil hinn mill‑kliem biss, waħda mill‑prijoritajiet tagħna għandha tkun li nikkunsidraw kif id‑deċiżjonijiet tagħna jaffettwaw lil dawk li huma l‑aktar vulnerabbli. Id‑deċiżjonijiet tagħna se jispiċċaw jgħaffġuhom aktar u jagħmluhom aktar dipendenti? Jew se joħolqu l‑kundizzjonijiet, l‑istrutturi u l‑opportunitajiet neċessarji biex dawn ħutna jkunu jistgħu jerġgħu jqumu fuq saqajhom?  

Nisimgħu l‑karba għall‑ġustizzja

Fis‑Salm Responsorjali smajna kif “il‑fqajjar sejjaħ u l‑Mulej semgħu” għax widnejh dejjem “miftuħa għall‑għajta tagħhom” (Salm 34:6,15). Irridu nagħrfu li, bħala pajjiż, ta’ spiss neċċellaw meta nkunu msejħin nirrispondu għall‑bżonnijiet immedjati ta’ persuni fil‑bżonn. Però, jekk irridu nimxu lejn mudell fejn il‑fqar huma tassew ħija u oħti, bid‑dinjità u d‑drittijiet kollha tagħhom, irridu nifhmu li din il‑karba tal‑fqir hija wkoll karba għall‑ġustizzja. Li nieħdu bis‑serjetà din il‑karba għall‑ġustizzja jfisser li ma nibqgħux naħarbu mill‑mistoqsijiet —ta’ spiss skomdi— dwar l‑istrutturi soċjali, politiċi u ekonomiċi li jippermettu li jkun hawn il‑faqar u li xi kultant saħansitra jkattru l‑faqar f’pajjiżna.

Ma jistax ikollna ambjent fejn il‑foqra jiġu ttrattati b’disprezz u l‑barranin mistiedna jiġu f’pajjiżna biex jaqduna jiġu mkasbra u insultati taħt l‑iskuża falza tan‑nazzjonaliżmu.

F’soċjetà għanja bħal tagħna, il‑faqar għandu jħammrilna wiċċna! Jeħtieġ nistaqsu għaliex hawn il‑faqar madwarna u għaliex qed jiżdied.

Huwa ċar li hemm problemi strutturali fl‑ekonomija u politika tagħna li jwasslu għal dan il‑faqar. Sistema ekonomika li ma taħdimx għal kulħadd, li teqred l‑ambjent, u li twassal għal tnaqqis fil‑kwalità tal‑ħajja, jeħtieġ li titranġa, tinbidel, u tiġġedded. Ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq figuri ekonomiċi li ma jqisux il‑kwalità u d‑dinjità tal‑ħajja. 

Ma jistax ikollna ambjent fejn il‑foqra jiġu ttrattati b’disprezz u l‑barranin mistiedna jiġu f’pajjiżna biex jaqduna jiġu mkasbra u insultati taħt l‑iskuża falza tan‑nazzjonaliżmu. Forsi l‑akbar sfida ta’ żminijietna hi li ngħarblu u nirrivoluzzjonaw sistema li aħna marbutin magħha u li diffiċli nimmaġinaw futur mingħajrha.

Naħdmu għal ekonomija tal‑ħajja

Wara disgħa u ħamsin sena ta’ indipendenza, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex mexjin fit‑triq it‑tajba. X’viżjoni qed naraw għall‑ġejjieni? Fejn sejrin? Meta nibdew insaqsu dawn il‑mistoqsijiet, inkunu qbadna t‑triq t‑twila u iebsa tal‑ġustizzja.  Ir‑rilevenza u l‑importanza ta’ dawn il‑mistoqsijiet tikber fil‑kuntest tad‑diskussjoni li għaddej minnu bħalissa pajjiżna dwar il‑bżonn li nsibu mudell ekonomiku ġdid għas‑snin li ġejjin. Mhuwiex l‑irwol tal‑Knisja li tipprovdi soluzzjonijiet dettaljati u tekniċi. Dawn għandhom jitħallew f’idejn l‑awtoritajiet kompetenti fi djalogu mal‑esperti, l‑imsieħba soċjali, u s‑soċjetà ċivili. Madanakollu, huwa d‑dmir tagħna bħala Knisja—ispirati mit‑tagħlim tal‑Papa Franġisku— li nakkumpanjaw u ninkoraġġixxu t‑transizzjoni minn ekonomija li toqtol għal ekonomija tal‑ħajja. [1]

Huwa importanti nistaqsu x’ħajja qed noffru lil dawk il‑ħaddiema li biex ilaħħqu mal‑ħajja jridu jissagrifikaw saħħithom u l‑ħin tal‑mistrieħ mal‑familji tagħhom. Kemm aħna komdi b’ekonomija mibnija fuq l‑isfreġju tal‑ambjent naturali tagħna? X’ħajja qed noffru lill‑eluf ta’ ħaddiema barranin li qed jgħixu f’kundizzjonijiet li jixbhu lil dawk tal‑iskjavi? Biex ma nsemmux ukoll l‑għexieren ta’ ħaddiema li ta’ kull sena jmutu jew iweġġgħu serjament fuq is‑siti ta’ kostruzzjoni. Risposti faċli u sempliċi għal dawn il‑mistoqsijiet ma jeżistux. Però, żgur li s‑soluzzjoni mhijiex li nieqfu nistaqsu u nfittxu. Lanqas mhi soluzzjoni li ma nagħtux kas. Il‑mixja għal soluzzjoni tibda billi nammettu fil‑beraħ, li l‑ebda gwadann ekonomiku qatt jista’ jiġġustifika t‑tħaddin ta’ ekonomija li tfaqqar u saħansitra toqtol bnedmin oħra.

Sittin sena ilu, missirijietna beżgħu li ladarba niksbu l‑indipendenza, mhux se nkunu nistgħu nqumu fuq saqajna u li l‑ekonomija tal‑pajjiż kienet se tikkrolla. L‑istorja wriet li permezz tal‑ħidma sfiqa u s‑sagrifiċċji li għamilna, il‑bidla wasslet għal xi ħaġa aħjar. Illum, aħna u niċċelebraw Jum l‑Indipendenza, nitolbu li pajjiżna jinħeles mid‑dipendenzi mill‑idoli [2] ta’ żmienna li jimbuttawna biex dejjem ikollna aktar u jeħlisna wkoll mill‑ġirja sfrenata li tispiċċa tgħaffeġ lilna l‑bnedmin u d‑dar komuni tagħna.

Ir‑realtà hi li “ħadd ma jista’ jsalva waħdu” [3]. Jalla ma jiġrilniex bħall‑għani tal‑Evanġelju li ntebaħ b’din il‑verità meta kien tard wisq. Imsejħin għall‑ħelsien fl‑imħabba (Ga 5:13), nitolbu li nkomplu nikbru flimkien bħala nazzjon ħieles minn kull madmad ta’ inġustizzja u indifferenza. Għax huwa biss meta nieqfu ninjoraw il‑ġrieħi ta’ Lazzru ta’ żmienna (Lq 16:20‑21) li l‑ġerħat tagħna jingħalqulna (Iż 58:8). Huwa biss meta ninħelsu mill‑idoli li jaljenawna li nkunu nistgħu naqbdu t‑triq tal‑karità u l‑ġustizzja li teħles lill‑foqra mill‑miżerja tagħhom, u lilna lkoll mill‑irbit mal‑“idolu tal‑ġid” [4] li jgħammex u jtarrax, u li jtellifna l‑indipendenza tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 58:6‑10
Salm: 34:2‑9,15‑16,18‑19
Qari II: Gal 5:13‑15
L-Evanġelju: Lq 16:19‑31

Aktar ritratti