Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dat-tieni Ħadd tar-Randan jirrakkuntalna t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (ara Lq 9: 28-36). Waqt li Hu kien jitlob fuq muntanja għolja, jibdel surtu, ilbiesu jsiru bojod silġ u jleqqu, u fid-dawl tal-glorja tiegħu jidhru Mosè u Elija, li jitkellmu miegħu dwar l-Għid li kien hemm jistennieh f’Ġerusalemm, jiġifieri l-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Ix-xhieda ta’ din il-ġrajja straordinarja huma l-appostli Pietru, Ġwanni u Ġakbu, li telgħu fuq l-għolja flimkien ma’ Ġesù. Aħna nistħajluhom b’għajnejhom miftuħin beraħ quddiem dal-ispettaklu uniku. U żgur li hekk ġara. Iżda l-evanġelista Luqa jinnota li “Pietru u sħabu kellhom għajnejhom tqal bin-ngħas” u li “meta stenbħu” raw il-glorja ta’ Ġesù (ara v. 32).  In-ngħas tat-tliet dixxipli jidher nota stunata. L-appostli nfushom, wara, raqdu wkoll fil-Ġetsemani waqt li Ġesù kien jitlob beżgħan, Hu li kien qalilhom biex jishru (ara Mk 14:37-41).  Dan l-irqad waqt mumenti tant importanti jiskantak.

Iżda jekk naqraw b’attenzjoni naraw li Pietru, Ġwanni u Ġakbu jeħodhom in-nagħas qabel ma bdiet it-Trasfigurazzjoni, jiġifieri waqt li Ġesù kien qed jitlob. L-istess ġara fil-Ġetsemani.  Jidher li kien talb li dam sejjer qatigħ, fis-skiet u l-ġabra. Nistgħu nifhmu li għall-bidu huma wkoll kienu qed jitolbu, sakemm l-għejja, in-ngħas, ħakmuhom.

Ħuti, dan l-irqad barra minn ħinu forsi ma jixbahx lil bosta sitwazzjonijiet ta’ ngħas tagħna, li jiġina f’waqtiet li nafu li jkunu importanti? Aktarx filgħaxija, meta nkunu nixtiequ nitolbu, noqogħdu ma’ Ġesù wara l-ġurnata mdehija b’elf ħaġa u impenji. Inkella meta jkun ħin li nitħaddtu xi ftit mal-familja u ma jkollniex aktar saħħa nagħmlu dan. Inkunu nixtiequ nħossuna aktar fuq tagħna, attenti, parteċipi, ma rridux nitilfu okkażjonijiet prezzjużi, imma ma jirnexxilniex, inkella jirnexxilna b’xi mod, imma għal ftit.

Iż-żmien qawwi tar-Randan hu opportunità f’das-sens. Hu żmien li fih Alla jrid iqajjimna mill-ħedla interjuri, min dan-ngħas li ma jħalliniex nistqarru l-Ispirtu. Għax – niftakruha sewwa – ma jiddependix minna biss li nżommu s-sahra fi qlubna: din hi grazzja li rridu nitolbu għaliha. Juruna dan it-tliet dixxipli tal-Evanġelju: kienu bravi, marru wara Ġesù fuq il-muntanja, imma bil-ħila tagħhom biss ma rnexxilhomx jibqgħu mqajmin. Dan jiġri lilna wkoll. Iżda huma jqumu waqt it-Trasfigurazzjoni. Nistgħu nobsru li kien id-dawl ta’ Ġesù li qajjimhom. Bħalhom aħna wkoll neħtieġu d-dawl ta’ Alla, dawl  li jgħinna naraw l-affarijiet b’mod differenti; jiġbidna lejh, jerġa’ jqajjimna, jerġa’ jixgħel fina x-xewqa u l-ħeġġa biex nitolbu, li nagħrblu lilna nfusna u li nagħtu ħinna lill-oħrajn. Nistgħu negħlbu l-għejja tal-ġisem bil-qawwa tal-Ispirtu t’Alla: “Għinna, ejja, ejja Spirtu Qaddis. Għinni: nixtieq niltaqa’ ma’ Ġesù, nixtieq inkun moħħni hemm, nishar”. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jneħħi minna dan in-ngħas li ma jħalliniex nitolbu.

F’daż-żmien tar-Randan, wara l-għejja tal-ġurnata, jagħmlilna tajjeb ma nitfux id-dawl tal-kamra bla ma nkunu dħalna fid-dawl ta’ Alla. Nitolbu ftit qabel norqdu. Inħallu lill-Mulej jissorprendina, jerġa’ jħeġġeġ lil qalbna. Nistgħu nagħmlu hekk, pereżempju, billi niftħu l-Evanġelju, u nħallu l-Kelma t’Alla ssaħħarna għax l-Iskrittura ddawwal il-passi tagħna u terġa’ tħeġġeġ il-qalb. Inkella nistgħu nħarsu lejn il-Kurċifiss u nimtlew bl-istagħġib quddiem l-imħabba tal-ġenn ta’ Alla, li qatt ma jaqta’ qalbu minna u għandu s-setgħa li jittrasfigura l-jien tagħna, li jtih sens ġdid, dawl ġdid, dawl mhux mistenni.

Il-Verġni Marija tgħinna nżommu qlubna jishru biex nilqgħu dan iż-żmien ta’ grazzja li joffrilna Alla.


Wara l-Angelus

Ħuti, għandna kif tlabna lill-Verġni Marija. Dil-ġimgħa, il-belt li ġġib isimha, Mariupol, saret belt martri tal-gwerra qerrieda li qed tfarrak l-Ukrajna. Quddiem id-degradazzjoni tal-qtil ta’ tfal, innoċenti u ċivili bla difiża m’hemm ebda raġuni strateġika li fiha sens: hemm biss li tieqaf l-aggressjoni armata inaċċettabbli qabel ma l-bliet isiru kollha ċimiterji. B’dieqa f’qalbi ngħaqqad leħni ma’ dak tan-nies komuni, li qed jitolbu bil-ħerqa li tintemm il-gwerra. F’isem Alla ħa tinstama’ l-għajta ta’ min qed ibati u ħalli jieqfu l-bumbardamenti u l-attakki!  Ħalli verament u b’deċiżjoni kollox isir bin-negozjar, u l-kurituri umanitarji jkunu effettivi u żguri.  F’isem Alla, nitlobkom: waqqfu dal-massakru!

Nixtieq mill-ġdid inħeġġeġ minn qalbi li l-bosta refuġjati li fihom hemm Kristu jsibu akkoljenza, u rrodd ħajr lix-xibka kbira ta’ solidarjetà li ntisġet. Nitlob lill-komunitajiet djoċesani u reliġjużi kollha biex iżidu l-waqtiet ta’ talb għall-paċi. Alla hu biss Alla tal-paċi, mhux Alla tal-gwerra, u min jappoġġja l-vjolenza jkun qed ikasbar ismu. Issa nitolbu fis-skiet għal min qed ibati u sabiex Alla jikkonverti l-qlub ħalli jkollhom rieda soda li jġibu l-paċi.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-fidili mid-djoċesi ta’ Napli, Fuorigrotta, Pianura, Firenze u Carmignano; kif ukoll lid-delegazzjoni tal-Moviment Non-Vjolenti.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org