L-Arċisqof Charles Scicluna żamm l-appuntament tiegħu mal-Kummissjoni Djoċesana Tfal fejn kif jagħmel dejjem, tliet darbiet fis-sena jiltaqa’ ma’ dawn il-membri ta’ bejn is-7 u l-14 -il sena. Waqt il-laqgħat jiġu diskussi suġġetti kurrenti u waqt l-aħħar laqgħa, it-tfal u l-Arċisqof Scicluna ddiskutew il-Knisja waqt u wara il-pandemija. 

It-tfal qajmu diversi argumenti, fosthom relatati mas-sagramenti u l-mod kif qed jiġu ċċelebrati, il-ftuħ tal-iskejjel u l-preparazzjoni f’każ li tiġi t-tieni mewġa tal-pandemija. Semmew ukoll il-quddiesa fuq it-televixin u d-dispensa.

Il-messaġġ ewlieni tal-Arċisqof kien li: “Il-COVID-19 neħħa ħafna mill-icing “. Fil-kuntest li bis-saħħa ta’ dak li ġara, morna iktar ‘back to basics’, l-aktar fejn jidħlu l-festi u ċelebrazzjonijiet oħra bħas-sagrament tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Fl-aħħar tal-laqgħa, l-Arċisqof qassam kuruna tar-rużarju lit-tfal.

Għal-laqgħa, li saret fil-La Salle Retreat Centre fil-Mellieħa, ittieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa minħabba it- tixrid tal‑imxija tal‑Covid‑19.