Ġesù jinsab miexi lejn Ġerusalemm u l-Vanġelu tal-lum jgħid li “kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu” (Lq 14:25). Timxi miegħu jfisser timxi warajh, jiġifieri ssir dixxiplu. Madankollu, lil dawn in-nies il-Mulej jagħmlilhom diskors ftit li xejn attraenti u fl-istess waqt esiġenti ħafna: ma jistax ikun dixxiplu tiegħu min ma jħobbux iżjed mill-għeżież tiegħu, min ma jerfax salibu, min ma jinqatax mill-ġid ta’ din l-art (ara vv. 26-27,33). Għaliex Ġesù jkellimha hekk lill-folla? X’inhi t-tifsira ta’ dawn it-twissijiet? Nippruvaw inwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet.

Qabelxejn, għandna folla kbira, ħafna nies, li mexjin wara Ġesù. Nistgħu nimmaġinaw li ħafna minnhom kienu msaħħra minn kliemu u mistagħġbin bil-ġesti li għamel; u, allura, lemħu fih tama għall-futur tagħhom. X’kien jagħmel, kieku, kull għalliem ta’ dak iż-żmien, jew – nistgħu nistaqsu mill-ġdid – x’kien jagħmel mexxej rasu fuq għonqu xħin jara li kliemu u l-kariżma tiegħu qed jiġbdu l-folol u jżidu l-kunsens tiegħu fost in-nies? Dan jiġri llum ukoll: speċjalment fil-mumenti ta’ kriżi personali u soċjali, meta aħna iżjed esposti għal sentimenti ta’ rabja jew imbeżżgħin minn xi ħaġa li qed thedded il-futur tagħna, insiru iżjed vulnerabbli; u, hekk, fil-mewġa tal-emozzjoni, nafdaw ruħna f’idejn min b’mod fin u ħażin jaf jirkeb fuq din is-sitwazzjoni, japprofitta mill-biżgħat tas-soċjetà u jwegħidna li hu s-“salvatur” li se jsolvilna l-problemi, meta fir-realtà jrid biss ikabbar il-popolarità u l-poter tiegħu, il-figura tiegħu, il-kapaċità tiegħu li jżomm kollox taħt idejh.

Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù ma jagħmilx hekk. L-istil ta’ Alla hu differenti. Importanti nifhmu l-istil ta’ Alla, kif iġib ruħu Alla. Alla jġib ruħu skont stil, u l-istil ta’ Alla hu differenti minn dak ta’ dawn il-persuni, għax hu ma japprofittax ruħu mill-bżonnijiet tagħna, qatt ma juża d-dgħufijiet tagħna biex jikber hu. Lilu, li ma jridx jiġbidna lejh bil-qerq u ma jridx iqassam ferħ bi prezz baxx, ma jinteressawhx il-folol oċeaniċi. Ma għandux il-kult tan-numri, ma jfittixx il-kunsens, ma hux idolatra tas-suċċess personali. Bil-maqlub, donnu jinkwieta meta n-nies timxi warajh bl-ewforija u l-ħeġġa ta’ malajr. Hekk, flok li jħallina ninġibu mis-seħer tal-popolarità – għax il-popolarità ssaħħar warajha –, jitlob minn kull wieħed u waħda minna li ngħarblu b’reqqa r-raġunijiet għaliex qed nimxu warajh u l-konsegwenzi li dan iġib miegħu. Ħafna minn dawk il-folol, fil-fatt, forsi kienu qed jimxu wara Ġesù bit-tama li hu kien kap li se jeħlishom mill-għedewwa, wieħed li kellu jikseb is-setgħa u jaqsamha magħhom; jew inkella wieħed li jagħmel il-mirakli u jsolvi l-problemi tal-ġuħ u tal-mard. Fil-fatt aħna nistgħu niġru wara l-Mulej għal bosta raġunijiet u xi wħud, irridu ngħidu, huma mondani: wara dehra reliġjuża perfetta jista’ jkun hemm moħbi s-sempliċi sodisfazzjon tal-ħtiġijiet tagħna, it-tiftix tal-prestiġju personali, ix-xewqa li jkollna rwol, li nżommu l-affarijiet taħt kontroll, ix-xenqa li nokkupaw spazji u li niksbu privileġġi, l-aspirazzjoni li nirċievu rikonoxximenti u aktar minn hekk. Dan qed jiġri llum fost l-Insara. Imma dan mhuwiex l-istil ta’ Ġesù. U ma jistax ikun l-istil tad-dixxiplu u tal-Knisja. Jekk xi ħadd jimxi wara Ġesù b’dawn l-interessi personali f’moħħu, ikun żbalja t-triq.

Il-Mulej jitlob minna atteġġjament ieħor. Nimxu warajh ma jfissirx nidħlu f’xi palazz jew nieħdu sehem f’xi korteo trijonfali, u lanqas nirċievu xi assigurazzjoni fuq ħajjitna. Bil-maqlub, ifisser ukoll “nerfgħu s-salib tagħna” (ara Lq 14:27): bħalu, nitgħabbew bit-toqol tagħna u tal-oħrajn, nagħmlu minn ħajjitna don, mhux pussess, ngħixuha nixbhu l-imħabba ġeneruża u ħanina li hu għandu għalina. Dawn huma għażliet li jimpenjaw lil ħajjitna kollna; għalhekk Ġesù jixtieq li d-dixxiplu ma jpoġġi xejn qabel din l-imħabba, lanqas l-iktar imħabbiet għeżież għalih u l-ikbar ġid li għandu.

Imma biex nagħmlu dan hemm bżonn inħarsu lejh iktar milli lejna nfusna, nitgħallmu l-imħabba, nilqgħuha mingħand l-Imsallab. Hemmhekk nilmħu dik l-imħabba li tingħata sal-aħħar, mingħajr qies u mingħajr konfini. Il-qies tal-imħabba hu li tħobb bla qies. Aħna stess – qal il-Papa Luciani – “aħna oġġett ta’ mħabba bla tarf min-naħa ta’ Alla” (Angelus, 10 ta’ Settembru 1978). Bla tarf: ma tgħib qatt minn ħajjitna, tilma fuqna u ddawwal imqar l-aktar iljieli mudlama. U allura, meta nħarsu lejn Ġesù Msallab, aħna msejħin għal dik l-imħabba għolja: biex nissaffew mill-ideat mgħawġa tagħna dwar Alla u mill-għeluq tagħna, sabiex nistgħu nħobbu lilu u lill-oħrajn, fil-Knisja u fis-soċjetà, anki lil dawk li ma jaħsbuhiex bħalna, saħansitra l-għedewwa tagħna.

Inħobbu: imqar jekk dan jiswielna s-salib tas-sagrifiċċju, tas-skiet, ta’ min ma jifhimniex, tas-solitudni, li ma niġux mismugħa u ppersegwitati. Inħobbu b’dan il-mod, anki jekk il-prezz huwa dan, għax – kien jgħid ukoll il-Beatu Ġwanni Pawlu I – jekk trid tbus lil Ġesù Kurċifiss, “ma tistax ma titbaxxiex fuq is-salib u ma titniggiżx ukoll b’xi xewka tal-kuruna, li tinsab fuq ras il-Mulej” (Udjenza ġenerali, 27 ta’ Settembru 1978). L-imħabba sal-aħħar, bix-xewk kollu tagħha: mhux l-affarijiet ta’ nofs kedda, biex noqogħdu komdi aħna jew ma jdejjaqna ħadd. Jekk ma nimmirawx fl-għoli, jekk ma nirriskjawx, jekk nikkuntentaw ruħna b’fidi ta’ bla problemi, inkunu – jgħid Ġesù – bħal min irid jibni torri imma ma jqisx tajjeb għandux il-mezzi; dan “iqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini” (v. 29). Jekk, għax nibżgħu li se nitilfu, nibqgħu lura milli ningħataw, inħallu l-affarijiet nofs leħja: ir-relazzjonijiet, ix-xogħol, ir-responsabbiltajiet li jafdawlna, il-ħolm, anki l-fidi. U allura nispiċċaw ngħixu kollox bin-nofs – u kemm hawn nies ta’ nofs kedda, aħna wkoll ħafna drabi jkollna t-tentazzjoni li ngħixu ta’ nofs kedda –, mingħajr ma mmiddu qatt il-pass deċiżiv – għax hekk ifisser tgħix ta’ nofs kedda –, mingħajr ma ntiru, mingħajr ma nirriskjaw għal dak li hu tajjeb, mingħajr ma nħabirku tabilħaqq għall-oħrajn. Ġesù dan qed jitlobna: għix il-Vanġelu u tkun tgħix il-ħajja, mhux nofs kedda imma sal-aħħar. Għix il-Vanġelu, għix il-ħajja, bla kompromessi.

Ħuti, il-Beatu l-ġdid b’dan il-mod għex: fil-ferħ tal-Vanġelu, bla kompromessi, billi ħabb sal-aħħar. Hu inkarna fih il-faqar tad-dixxiplu, li ma jfissirx biss li tiddistakka ruħek mill-ġid materjali, imma fuq kollox li tegħleb it-tentazzjoni li tpoġġi lilek innifsek fiċ-ċentru u tfittex il-glorja tiegħek innifsek. Bil-maqlub, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, hu kien ragħaj ħelu u umli. Qies lilu nnifsu bħala t-trab li fuqu Alla indenja jikteb (ara A. Luciani/Giovanni Paolo I, Opera omnia, Padova 1988, vol. II, 11). Għalhekk kien jgħid: “Il-Mulej saħaq wisq: kunu umli. Anki jekk għamiltu ħwejjeġ kbar, għidu: aħna qaddejja li ma niswew għal xejn” (Udjenza ġenerali, 6 ta’ Settembru 1978).

Bit-tbissima tiegħu l-Papa Luciani rnexxielu jgħaddilna t-tjieba tal-Mulej. Kemm hi sabiħa Knisja bil-wiċċ tagħha hieni, seren, jitbissem, Knisja li ma tagħlaq qatt il-bibien tagħna, li ma ttaqqalx il-qlub u ma żżommx f’qalbha, mhix irrabjata, ma tnaffarx, li ma tippreżentax ruħha b’severità, ma tbatix min-nostalġiji tal-passat jew trid treġġa’ l-arloġġ lura. Nitolbu lil dan missierna u ħuna, nitolbuh jiksbilna “t-tbissima tar-ruħ”, dik trasparenti, dik li ma tqarraqx: it-tbissima tar-ruħ. Nitolbu, bi kliemu, dak li hu stess kien iħobb jitlob: “Mulej, ħudni kif jien, bid-difetti tiegħi, bin-nuqqasijiet tiegħi, imma agħmilni kif tixtieqni int” (Udjenza ġenerali, 13 ta’ Settembru 1978). Amen.

Sors: laikos.org