Pope signing

Il-Papa Benedittu Sittax qal li r-Reliġjon qatt ma tista’ tiġġustifika l-intolleranza u l-gwerer. Saħaq li ma tistax tintuża l-vjolenza f’isem Alla. Il-Papa afferma dan fl-eżortazzjoni post sinodali ntitolata Verbum Domini. Huwa esprima x-xewqa li r-relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-Insara u l-Musulmani tibqa’ tikber u tiżviluppa fi spirtu ta’ djalogu sinċier u ta’ rispett. Madankollu qal ukoll li d-djalogu ma jkunx ta’ ġid jekk dan ma jinkludix ir-rispett reċiproku bejn il-partijiet kollha ikkonċernati.

Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika kompla jgħid li kull reliġjon għandha tmexxi l’quddiem l-użu korrett tar-raġuni u tippromwovi valuri etiċi li jenfasizzaw l-għaqda ċivili. Żied jgħid li l-Knisja trid tilħaq lil kulħadd permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u tkompli tiddefendi d-drittijiet u l-liberta’ tal-persuni li jisimgħu l-kelma t’Alla.

Punti oħra mqajma mill-Kap tal-Knisja Kattolika fil-preentazzjoni li saret fil-Vatikan;

  • F’dinja fejn Alla kulma jmur qed jitqies superfiċjali, speċjalment fil-kultura tal-Punent, mhemmx priorita ikbar milli jinfetaħ l-aċċess għal Alla li jitkellem bis-sinjali taż-żminijiet għall-ġid tal-bniedem.
  • Referenza għal dak li jsejjaħ duwaliżmu bejn l-eżeġesi u t-teoloġija, kif ukoll għall-għaqda f’żewġ livelli – armonija bejn il-fidi u r-raġuni.
  • Enfasi wkoll l-għeruq tal-Krisrtjaneżmu fl-Antik Testment.
  • Eżortazzjoni għall-kuxjenza missjunarja tal-Knisja, b’aċċenn għall-pro-attivita fil-ħidma.
  • Il-ħtieġa tal-evanġelizzazzjoni b’messaġġ ċar tal-Kelma t’Alla speċjalment fost l-immigranti u qalb il-foqra u l-emarġinati.
  • L-importanza tad-djalogu u laqgħat b’koperazzjoni bejn dawk kollha ta’ rieda tajba.
  • Ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjita umana.