Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum nisimgħu xi kliem minn ta’ Ġesù li jolqot lill-iskribi u lill-fariżej, jiġifieri l-mexxejja reliġjużi tal-poplu. Ġesù għandu kliem iebes ħafna għalihom “għax huma jgħidu bla ma jagħmlu” (Mt 23,3) u “kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies” (v. 5). Dan jgħid Ġesù: kliem mingħajr fatti, u kulma jagħmlu jagħmluh biex jidhru.

Allura ejjew nieqfu ftit fuq dawn iż-żewġ aspetti: id-distanza bejn il-kliem u l-fatti  u il-primat ta’ dak li jidher fuq dak li ma jidhirx. 

Id-distanza bejn il-kliem u l-fatti. Lil dawn l-imgħallmin ta’ Iżrael, li jippretendu li jgħallmu l-Kelma t’Alla u li jesiġu rispett għax huma awtoritajiet tat-Tempju, Ġesù jikkritika l-ħajja doppja tagħhom: jipprietkaw ħaġa imma mbagħad jgħixu mod ieħor. Dal-kliem ta’ Ġesù jfakkarna f’dawk tal-profeti, partikolarment Iżaija: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu u b’xufftejh biex iqim lili, imma qalbhom ‘il bogħod minni” ( 29,13).  Dan hu l-periklu li għandna nishru dwaru: il-qalb doppja. Aħna wkoll għandna dal-periklu: din id-doppjezza tal-qalb li titfa’ f’riskju l-awtentiċità tax-xhieda tagħna u l-kreddibbiltà tagħna wkoll, ladarba aħna nsara.

Ilkoll kemm aħna nġarrbu, minħabba d-dgħufija tagħna, ċertu distanza bejn il-kliem u l-fatti, iżda li jkollna qalb doppja hi ħaġa differenti, ngħixu “b’sieq ‘l hawn u oħra ‘l hemm bla ma nħossu ebda rimors. Meta, speċjalment, inkunu msejħin – fil-ħajja, fis-soċjetà jew fil-Knisja – biex nieħdu rwol ta’ responsabbiltà, niftakruh dan: le għad-doppjezza! Għas-saċerdot, għall-operatur pastorali, għall-politiku, għall-għalliem jew għall-ġenitur dir-regola tgħodd dejjem: dak li tgħid, dak li tipprietka lill-oħrajn, impenja ruħek biex tgħixu int l-ewwel wieħed. Biex inkunu mgħallmin b’awtorità, qabel xejn hemm bżonn inkunu xhieda kredibbli.

It-tieni aspett hu konsegwenza ta’ dan: il-primat ta’ dak li jidher fuq dak li hemm ġewwa.  Infatti, għax kellhom ħajja doppja, l-iskribi u l-fariżej moħħhom biex jaħbu n-nuqqas ta’ koerenza tagħhom biex isalvaw ir-reputazzjoni, l-apparenza.  Infatti kieku n-nies taf x’hemm verament fi qlubhom, huma jispiċċaw imbarazzati u b’hekk jitilfu l-kredibbiltà kollha tagħhom. Għalhekk jagħmlu opri biex jidhru ġusti, biex “isalvaw wiċċhom”, kif ngħidu, jirtukkaw ħajjithom, jirtukkaw qalbhom. Dan-nies “bl-irtokk” ma jafux jgħixu l-verità.  U ħafna drabi aħna wkoll inkollna t-tentazzjoni ta’ din id-doppjezza.

Ħuti, aħna u nilqgħu din it-twissija ta’ Ġesù nistaqsu lilna nfusna aħna wkoll: nippruvaw ngħixu dak li nipprietkaw jew ngħixu ħajja doppja?  Ngħidu ħaġa u nagħmlu oħra?  Aħna moħħna biss biex nidhru “perfetti” minn barra, bil-maskra,  jew nieħdu ħsieb il-ħajja interjuri tagħna b’qalb sinċiera?

Induru lejn il-Verġni Mqaddsa: Hi li għexet b’integrità u umiltà skont ir-rieda ta’ Alla, tgħinna nsiru xhieda kredibbli tal-Evanġelju.

Sors: laikos.org