Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jirrepeti lid-dixxipli tiegħu għal tliet darbiet: “Tibżgħux” (Mt 10, 26.28.31).  Ftit ħin qabel kien kellimhom dwar il-persekuzzjonijiet li kellhom isofru minħabba l-Evanġelju, realtà li għada attwali: infatti l-Knisja, sa mill-bidu nett tagħha, flimkien mal-ferħat – u kien hemm ħafna minnhom! – ġarrbet ukoll tant persekuzzjonijiet.  Donnu paradossali: it-tħabbira tas-Saltna hi messaġġ ta’ paċi u ġustizzja, msejjes fuq il-karità fraterna u fuq il-maħfra, madankollu jġarrab oppożizzjoni, vjolenza u persekuzzjonijiet. Però Ġesù jgħid li m’għandniex nibżgħu: mhux għax fid-dinja kollox se jimxi ħarir, le, iżda għaliex għall-Missier aħna prezzjużi u xejn minn dak li hu tajjeb mhu se jintilef.  Għalhekk jgħidilna biex ma nħallux il-biża’ timblukkana, imma biex pjuttost, nibżgħu minn ħaġ’oħra, ħaġa waħda.  Liema hija dik il-ħaġa li Ġesù jgħidilna li għandna nibżgħu minnha?

Niskopru dan permezz tat-tixbiha li juża’ Ġesù llum: it-tixbiha tal-“Gehenna” (cfr v. 28).  Il-wied tal-“Gehenna” kien post li l-abitanti ta’ Ġerusalemm kienu jafuh tajjeb: kien il-miżbla kbira fejn kien jintefa’ l-iskart tal-belt. Ġesù jsemmiha biex ifisser li l-veru biża’ li għandu jkollna hu li narmu ħajjitna stess. Ġesù jgħid: “Iva, minn dan ibżgħu”. Qisu ried jgħid: tibżgħux li mhux se jifhmukom jew li jikkritikawkom, li titilfu l-prestiġju u l-vantaġġi ekonomiċi biex tibqgħu fidili lejn l-Evanġelju, imma (ibżgħu) li taħlu l-eżistenza tiġru wara ħwejjeġ ta’ ftit importanza, li ma jagħtu ebda milja lis-sens tal-ħajja.

U dan hu importanti għalina. Infatti, illum ukoll, nistgħu nsibu min iwaqqagħna għaċ-ċajt jew jiddiskriminana jekk ma nimxux fuq il-mudelli tal-moda, li però, lir-realtà jtuha l-ġenb: per eżempju, li ssegwi xi ħaġa minflok lill-persuni, li jimpurtak mid-dehra aktar milli mir-relazzjonijiet. Nagħtu ftit eżempji. Niftakar fil-ġenituri li jkollhom bżonn jaħdmu t-tnejn biex imantnu l-familja, imma ma jistgħux jgħixu biss biex jaħdmu: għandhom bżonn il-ħin neċessarju biex ikunu ma’ wliedhom. Naħseb ukoll fis-saċerdot jew is-soru: għandhom jimpenjaw ruħhom biex ikunu ta’ servizz, bla ma jinsew jiddedikaw ħin biex joqgħodu ma’ Ġesù, inkella jaqgħu fil-mondanità spiritwali u jitilfu s-sens tal-vokazzjoni tagħhom. U aktar, niftakar fiż-żgħażugħ, fiż-żgħażugħa li għandhom elf impenn u interessi: l-iskola, l-isport, interessi oħra, il-mowbajls u l-mezzi soċjali, imma għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ persuni oħra u jwettqu l-ħolm kbir tagħhom bla ma jaħlu l-ħin f’affarijiet li jgħaddu u li ma jħallu ebda effett.

Dan kollu, ħuti, jitlob xi ftit taċ-ċaħda quddiem l-idoli tal-effiċjenza u l-konsumiżmu, iżda hu meħtieġ biex ma nintilfux f’dawk l-affarijiet li mbagħad jispiċċaw mormija, kif kien isir dakinhar fil-Gehenna. U fil-Gehenniet tal-lum, spiss qed jintefgħu l-persuni: niftakru f’tal-aħħar, spiss ittrattati qishom materjal tal-iskart u oġġetti mhux mixtieqa. Li bniedem jibqa’ fidil lejn dak li jiswa għandu prezz; fih prezz li jmur kontra l-kurrent, fih prezz li jeħles minn dak li jikkundizzjonak biex fehemtek tkun bħal tal-massa, fih prezz li jitwarrab minn min “jimxi mal-mewġ”. Iżda ma jimpurtax, jgħidilna Ġesù: li jgħodd hu li ma tarmix il-ġid li jiswa l-aktar, il-ħajja. Dan biss għandu jbeżżagħna.

Allura, insaqsu lilna nfusna: jien minn xiex nibża’?  Li ma jkollix dak li jogħġobni?  Li ma nilħaqx l-għanijiet li timponi fuqi s-soċjeta?  Mill-ġudizzju tal-oħrajn? Jew li ma nkunx ngħoġob lill-Mulej u li ma nqiegħedx l-Evanġelju tiegħu fl-ewwel post? Marija, dejjem Verġni, Omm il-Għerf, tgħinna nkunu għaqlin u kuraġġużi fl-għażliet li nagħmlu.

Sors: laikos.org