L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tgeddsux”. Din hi l-kelma li juża Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew meta qed ikellem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom li ma għandhomx jgħaddu ħajjithom jakkumulaw il-ġid. Jgħid: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja” (Mt 6:19). U jgħid għaliex. L-ewwel nett, għax dawn maż-żmien jgħaddu – jitmermru bil-kamla u s-sadid; jista’ jkun ukoll li jidħol xi xi ħadd xi mument u jisraqhom; u – Ġesù jsemmiha din darb’oħra – jista’ jkun li wara li tgħaddi ħajtek takkumula l-ġid, imbagħad il-Mulej isejjaħlek għall-ħajja ta’ dejjem, u dak li akkumulajt ma tistax tieħdu miegħek imma tħallih għal ta’ warajk.

Għalhekk Ġesù jgħid: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja”. Issa meta jgħid hekk Ġesù, ifisser li aħna ma għandniex naħdmu u nirsistu biex inkunu aħjar, għalina u għall-familji tagħna? Mhux hekk qed jgħid! Ġesù jridna li aħna naħdmu, nagħmlu l-almu tagħna, biex inġibu ’l quddiem il-ħajja tagħna u tal-familja tagħna, u ntejbu wkoll l-għajxien tagħna. Dan iridu minna Ġesù, u mhux għal dan qed jgħid.

Imma hawnhekk qed jitkellem fuq ħaġa li rridu noqogħdu attenti ħafna għaliha – fuq ir-regħba, fuq il-kilba biex ikollok, u jkollok aktar, u jkollok aktar, u ma tkunx kuntent qabel ma jkollok aktar. Fuq din qed jitkelllem Ġesù hawnhekk, u qed jgħid li minn din irridu noqogħdu attenti. Fl-aħħar mill-aħħar, din mhix se tagħmlilna ħajjitna isbaħ u aħjar, jekk inkunu mmexxija minn din ir-regħba. Anzi kultant tagħmilna skjavi ta’ dak li jkollna. Issib min tant għandu affarijiet li jippreferi ma joħroġx ma jmurx jidħol xi ħadd id-dar u jeħodhomlu. Hija din li kultant ma tħalliniex liberi, għax il-qalb tagħna u l-moħħ tagħna jkunu kontinwament medhijin fuq dak li jista’ jkollna.

Ġesù jurina triq oħra li għandna nagħżlu. Jgħid “ġemmgħu għalikom teżori fis-sema” (Mt 6:20). Li aħna naħdmu għal “teżori fis-sema” tagħmel ħajjitna isbaħ hawn, u tippreparana tassew għall-ħajja ta’ dejjem. Meta jsemmi “teżori fis-sema”, mhumiex teżori li se ssibhom fis-salott, jew id-dar jew xi mkien moħbija, imma fis-sema fejn jaf bihom Alla.

X’inhuma dawn it-“teżori fis-sema”? Hu meta aħna l-ħajja ngħixuha mhux preokkupati kif se niġbdu lejna u nakkumulaw il-ġid għalina, imma kif ngħixuha bl-imħabba, bl-imħabba li tfisser għotja. Għalhekk li naħdmu tassew b’imħabba lejn l-oħrajn, li nkunu lesti li nagħmlu dak li jista’ jgħin lil dawk li huma fil-bżonn, u li dejjem naħsbu kif nagħmlu l-ġid, mhux li niġbdu lejna l-ġid. Hi xi ħaġa li nistgħu nagħmluha fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum: bit-tbissima li timla l-qalb, b’kelma ta’ kuraġġ, b’azzjoni li lill-bniedem terfgħu fil-mument ta’ tbatija, att ta’ solidarjetà, preżenza fejn xi ħadd li hu marid jew f’qiegħ ta’ soda. Dawn huma t-“teżori fis-sema” jekk magħmulin tassew b’imħabba. Għalhekk Ġesù kien semmielna l-opri tal-ħniena, fejn uriena kif aħna nagħmlu tassew “teżori fis-sema”, għax qalilna “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). U nnutaw: it-teżori ta’ din id-dinja qatt ma jimlew il-qalb u kultant jippreokkupaw, iġibu ħafna ħsibijiet fil-moħħ. It-“teżori fis-sema” jimlew qalbna bil-ferħ u moħħna b’ħafna paċi.

Nitolbu lill-Mulej: għinna biex aħna ma nintrikbux bir-regħba, li dejjem irid ikollna aktar fil-ħajja, u din itellifna milli nistgħu ngħixu ħajjitna fil-paċi. Agħtina l-grazzja li aħna naħdmu għal “teżori fis-sema”, fejn int turina kif nistgħu ngħixu minn issa s-sabiħ tal-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju