Għeżież ħuti!

Wara li l-aħħar darba rajna li t-tħabbira Nisranija hija ferħ, ejjew illum nieqfu fuq it-tieni aspett: li hi għal kulħadd, it-tħabbira Nisranija hi ferħ għal kulħadd. Meta niltaqgħu tassew mal-Mulej Ġesù, l-istagħġib ta’ din il-laqgħa jimla l-ħajja kollha tagħna u jitlob li nwassluh lil hemm minna. Dan hu li jixtieq Hu, li l-Vanġelu tiegħu jkun għal kulħadd. Fil-fatt, fih hemm “qawwa umanizzatriċi”, twettiq ta’ ħajja li hi ddestinata għal kull bniedem, għax għal kulħadd Kristu twieled, miet u rxoxta. Għal kulħadd: ħadd eskluż.

Fl-Evangelii gaudium naqraw: “Kulħadd għandu d-dritt jirċievi l-Vanġelu. L-Insara huma fid-dmir li jxandruh mingħajr ma jħallu lil ħadd barra, mhux qishom xi ħadd li qed jimponi obbligu ġdid, imma bħal min irid jaqsam ma’ ħaddieħor bil-ferħ, jurih xefaq sabiħ, joffrilu ikla mixtieqa. Il-Knisja mhux bil-proselitiżmu tikber, imma ‘bl-attrazzjoni’” (n. 14). Ħuti, ejjew inħossuna għas-servizz tad-destinazzjoni universali tal-Vanġelu, huwa għal kulħadd; u ħa ningħażlu għall-ħila li jkollna li noħorġu minna nfusna – tħabbira biex tkun tħabbira vera trid toħroġna mill-egoiżmu tagħna – u jkollna l-ħila li negħlbu kull fruntiera. L-Insara għandek issibhom fuq iz-zuntier iktar milli fis-sagristija, u joħorġu “fil-pjazez u t-triqat tal-belt” (Lq 14:21). Għandhom ikunu miftuħa u espansivi, l-Insara għandhom ikunu “estroversi”, u dan il-karattru tagħhom ġej minn Ġesù, li għamel mill-preżenza tiegħu fid-dinja mixja kontinwa, bl-għan li jilħaq lil kulħadd, saħansitra jitgħallem minn ċerti laqgħat tiegħu.

F’dan is-sens, il-Vanġelu jagħtina l-laqgħa sorprendenti ta’ Ġesù ma’ mara barranija, Kangħanija li titolbu jfejjaq lil bintha marida (Mt 15:21-28). Ġesù jirrifjuta, għax jgħid li hu ġie mibgħut “għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” u li “mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi” (vv. 24, 26). Imma l-mara, bl-insistenza tipika tas-sempliċi, ittenni li “l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom” (v. 27). Ġesù jibqa’ milqut minn dan u jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq” (v. 28). Din il-laqgħa ma’ din il-mara għandha xi ħaġa unika fiha. Mhux biss għax xi ħadd jirnexxilu jibdel il-fehma ta’ Ġesù, u din hija mara, barranija u pagana; imma għax il-Mulej innifsu jsib konferma għall-fatt li l-predikazzjoni tiegħu ma għandhiex tillimita ruħha għall-poplu li minnu ħiereġ, imma tinfetaħ għal kulħadd.

Il-Bibbja turina li meta Alla jsejjaħ lil persuna u jagħmel patt ma’ xi wħud, il-kriterju hu dejjem dan: jaħtar lil xi ħadd biex jilħaq lil oħrajn, dan hu l-kriterju ta’ Alla, tas-sejħa ta’ Alla. Il-ħbieb kollha tal-Mulej daqu mill-ġmiel imma anki mir-responsabbiltà u l-piż li jkunu “magħżula” minnu. U kollha ħassew it-taqtigħ il-qalb quddiem id-dgħufijiet tagħhom jew it-telfa taċ-ċertezzi tagħhom. Imma t-tentazzjoni forsi ikbar hi dik li jqisu s-sejħa li rċivew bħala xi privileġġ – nitlobkom, le! – is-sejħa mhijiex privileġġ, qatt. Aħna ma nistgħux ngħidu li aħna pprivileġġjati ħdejn l-oħrajn, le. Is-sejħa qiegħda għall-qadi. U Alla jagħżel wieħed biex iħobb lil kulħadd, biex jasal għand kulħadd.

Anki biex inħarsu ruħna mit-tentazzjoni li nidentifikaw il-Kristjaneżmu ma’ kultura, ma’ grupp etniku, ma’ sistema. Għax hekk jitlef in-natura verament kattolika tiegħu, jew aħjar, li hu għal kulħadd, universali: mhuwiex xi grupp żgħir ta’ magħżulin tal-ewwel klassi. Ma ninsewhx dan: Alla jagħżel lil xi ħadd biex iħobb lil kulħadd. Dan ix-xefaq ta’ universalità. Il-Vanġelu mhuwiex hemm biss għalija, huwa għal kulħadd, ma ninsewhx dan. Grazzi. 

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard