Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara li ltqajna ma’ bosta xhieda tat-tħabbira tal-Vanġelu, illum nipproponi li niġbru fil-qosor dan iċ-ċiklu ta’ katekeżi dwar iż-żelu appostoliku f’erba’ punti, imnebbħin mill-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, li dan ix-xahar qed tagħlaq għaxar snin. L-ewwel punt li se naraw illum, l-ewwel minn erbgħa, ma jistax ma jmissx l-atteġġjament li minnu tiddependi l-essenza tal-ġest ta’ evanġelizzazzjoni: il-ferħ. Il-messaġġ Nisrani, kif smajna mill-kliem li l-anġlu jlissen lir-ragħajja, huwa t-tħabbira ta’ “ferħ kbir” (Lq 2:10). U r-raġuni? Aħbar tajba, sorpriża, ġrajja sabiħa? Ħafna iktar minn hekk, Persuna: Ġesù! Ġesù huwa l-ferħ. Huwa hu Alla li sar bniedem u ġie fostna! Allura l-kwistjoni, għeżież ħuti, mhijiex għandniex inħabbruh, imma kif inħabbruh, u dan il-“kif” huwa l-ferħ. Jew inħabbru lil Ġesù bil-ferħ, jew ma nħabbruh xejn, għax ma hemmx triq oħra ta’ kif inħabbruh li kapaċi twassal il-vera realtà ta’ min hu Ġesù.

Għaldaqstant, in-Nisrani li mhux kuntent, Nisrani mdejjaq, Nisrani mhux sodisfatt jew, agħar minn hekk, irrabjat u inkurlat, mhuwiex kredibbli. Dan jista’ jitkellem kemm irid fuq Ġesù, għax ħadd mhu ħa jemmnu! Darba kien hemm persuna li qaltli hekk dwar dawn l-Insara: “Imma dawn Insara bil-wiċċ ta’ bakkaljaw!”, jiġifieri, ma jesprimu xejn, huma hekk, u l-ferħ huwa essenzjali. Huwa essenzjali li ngħassu fuq is-sentimenti tagħna. L-evanġelizzazzjoni ssir bla ma tistenna xejn lura, għax ġejja mill-milja, u mhux mill-pressjoni. U meta ssir evanġelizzazzjoni – għandha ssir, imma mhux hekk – skont ideoloġija, din mhix evanġelizzazzjoni, dan mhuwiex Vanġelu. Il-Vanġelu mhuwiex ideoloġija: il-Vanġelu huwa tħabbira, tħabbira ta’ ferħ. L-ideoloġiji huma kiesħa, kollha. Il-Vanġelu għandu s-sħana tal-ferħ. L-ideoloġiji ma jafux jitbissmu, il-Vanġelu hu tbissima, iġagħlek titbissem għax imisslek qalbek bl-Aħbar it-Tajba.

It-twelid ta’ Ġesù, fl-istorja bħal fil-ħajja, huwa l-bidu tal-ferħ: araw xi ġralhom id-dixxipli ta’ Għemmaws li ma setgħux jemmnu bil-ferħ, u l-oħrajn, imbagħad, id-dixxipli lkoll flimkien, meta Ġesù jmur fiċ-Ċenaklu, ma setgħux jemmnu bil-ferħ (ara Lq 24:13-35). Il-ferħ li għandna lil Kristu Rxoxt. Il-laqgħa ma’ Ġesù dejjem iġġib il-ferħ u jekk ma jiġrilekx hekk, din ma tkunx laqgħa vera ma’ Ġesù.  

U dan li jagħmel Ġesù mad-dixxipli jurina li l-ewwel li għandhom jiġu evanġelizzati huma d-dixxipli, l-ewwel li għandna niġu evanġelizzati huma aħna, l-Insara: aħna. U dan hu importanti ħafna. Mgħaddsa fil-klima mgħaġġla u mħawda tal-lum, aħna wkoll, fil-fatt, nistgħu nsibu ruħna ngħixu l-fidi b’sens sottili ta’ rifjut, persważi li l-Vanġelu ħadd ma għadu jrid jisimgħu u li mank ħaqq wieħed iħabbru iktar. Nistgħu saħansitra niġu ttentati mill-idea li nħallu li “l-oħrajn” jimxu triqthom. Imma proprju dan huwa l-mument li fih nirritornaw lejn il-Vanġelu biex niskopru li Kristu “hu dejjem żagħżugħ u għajn kostanti tal-ġdid” (Evangelii gaudium, 11).

Hekk, bħaż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, nerġgħu lura għall-ħajja ta’ kuljum bil-ħeġġa ta’ min sab teżor: kienu hienja, dawn it-tnejn, għax kienu sabu lil Ġesù, u dan bidlilhom ħajjithom. U niskopru li l-umanità hi mimlija b’aħwa li qed jistennew kelma ta’ tama. Il-Vanġelu hemm min qed jistennieh illum ukoll: il-bniedem tal-lum hu bħall-bniedem ta’ kull żmien: għandu bżonn tiegħu, anki ċ-ċiviltà tal-inkredulità pprogrammata u tas-sekularizzazzjoni istituzzjonalizzata; anzi, fuq kollox is-soċjetà li tħalli battala l-ispazji tas-sens reliġjuż, għandha bżonn ta’ Ġesù. Dan huwa ż-żmien it-tajjeb biex inħabbru lil Ġesù. Għalhekk nixtieq intenni mill-ġdid lil kulħadd: “Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ” (ibid., 1). Ma ninsewhx dan. U jekk xi ħadd minna ma jħossux dan il-ferħ, aħjar jistaqsi jekk sabux lil Ġesù. Ferħ ġewwieni. Il-Vanġelu jimxi fit-triq tal-ferħ, dejjem, huwa t-tħabbira l-kbira. Nistieden lil kull Nisrani, huma x’inhuma l-post u s-sitwazzjoni li jinsab fihom, biex iġedded illum stess il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù Kristu. Kull wieħed u waħda minna llum ħa jsib ftit tal-ħin u jaħseb: “Ġesù, int tinsab ġewwa fija: jien rrid niltaqa’ miegħek ta’ kuljum. Inti Persuna, m’intix idea; inti sieħeb fil-vjaġġ, m’intix programm. Int Imħabba li ssolvi tant problemi. Int il-bidu tal-evanġelizzazzjoni. Int, Ġesù, int l-għajn tal-ferħ”. Amen.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard