Cardinal Tarcisio Bertone

“Is-sejħa politika hi sejħa għall-ġid komuni u l-ħelsien tas-soċjeta. Ġid li jirrifletti fil-ġejjieni. Iż-żgħażagħ huma l-protagonisti tal-politika, li ma tistax tħares lejn il-passat jew tħalli li teħel mal-preżent”.

Din id-dikjarazzjoni għamilha s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone meta tkellem f’Riccione fil-laqgħa annwali ta’ Rete Italia.

Żied li fis-soċjeta tal-lum “li tkun involut maż-żgħażagħ u l-politika jista’ jidher bħala eżerċizzju ta’ stil”. Quddiem l-isfidi tal-lum qal li “il-Knisja ma toffrix soluzzjoni waħdanija jew universali” imma tħalli f’idejn l-insara, l-individwi u l-komunitajiet, sabiex bl-intelliġenza u l-għarfien tagħhom jiddistingwu r-realta u l-valur tal-prinċipji, il-kriterji u l-linjigwida offruti mid-duttrina soċjali tal-Knisja, maħsuba biex jagħtu direzzjoni lil kulħadd f’kull sfera tal-ħajja”.

Hawn allura, “id-duttrina soċjali mhix dak il-ktejjeb b’soluzzjonijiet lesti imma mezz li joffri mudell ta’ azzjoni politika u edukazzjoni espressi fi stadji differenti”. Qal hekk li l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-politiċi nsara hi msejħa sabiex “tittraduċi d-duttrina soċjali tal-Knisja f’għażliet effettivi”. Il-Kardinal Bertone kompla li f’din id-duttrina l-iktar importanti hu r-rispett lejn id-dinjita tal-persuna umana u kull kwistjoni politika relatata mal-bniedem”. Żied li dan iktar jingħata sens meta l-aċċenn jingħata, l-ewwel fuq il-problemi ġodda ta’ natura bio-etika fejn jirrigwarda l-ħajja umana. It-tieni prinċipju identifikah bħala dak tas-solidarjeta u t-tielet prinċipju qal li hu s-sussidjarjeta li jimplika sfidi ġodda għall-politiku nisrani llum.