B’referenza għal ċerti mistoqsijiet li saru u kummenti li qed isiru dwar il-pożizzjoni tal-Arċisqof Ġuzeppi Mercieca fl-2003, fiż-żmien meta feġġew l-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali fuq tfal fl-Istitut ta’ San Ġużepp, l-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof irid ifakkar li fit-8 ta’ Ottubru 2003, l-Arċisqof Mercieca u l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kienu ħarġu din id-dikjarazzjoni:

“L-abbuż sesswali jikkaġuna ħafna tbatija u ħsara lill-vittmi. Il-Knisja tikkundanna bl-iktar mod qawwi kull abbuż sesswali, speċjalment dak fuq it-tfal.

Il-Knisja tikkonferma li, f’każi ta’ abbużi sesswali bħal dawn, iżjed u iżjed meta fin-nofs ikun hemm it-tfal, l-ewwel u l-akbar interess u rieda tagħha huma u jibqgħu li tgħin u tħares lill-vittmi. Fl-istess ħin, il-Knisja tibqa’ wkoll fid-dmir li tfakkar li kull min jiżbalja, jibqa’ bniedem bid-dritt għad-dinjita’ tiegħu.

Il-Knisja tagħraf ukoll li l-abbuż sesswali fi ħdanha huwa kontradizzjoni profonda tat-tagħlim u x-xhieda ta’ Ġesu’ Krustu.

Għaldaqstant, kull fejn iseħħ abbuż sesswali fi ħdanha, il-Knisja titlon maħfra lill-vittmi għat-tbatija u d-deni li jsofru.

Il-Knisja ma tridx taħbi l-każi ta’ abbużi fi ħdanha. Anżi, il-Knisja trid li tinstab il-verita’ dwar każi simili ħalli jkunu jistgħu jittieħdu l-passi kollha li jkunu meħtieġa biex l-abbuż jitwaqqaf u l-ħsara titrażżan. Kien propju dan li wassal il-Knisja f’Malta biex, minn jeddha, qabel kull istituzzjoni oħra fil-pajjiż, introduċiet Response Team biex jeżamina kull allegazzjoni ta’ abbuż sesswali li titressaq quddiemu, waqt li tħalli lil kulħadd fil-liberta’ li jmur għand il-pulizija jekk fil-kuxjenza tiegħu jħoss li għandu jagħmel hekk.

Il-Knisja tifhem l-interess tal-mass media f’każi ta’ tbatija umana, bħalma hu l-abbuż sesswali, speċjalment dak fuq tfal. Tifhem ukoll l-impenn ta’ dawn il-ġurnalisti li, b’mod onest u responsabbli, iressqu każi simili quddiem l-opinjoni pubblika biex isaħħu s-sensibbilita’ u l-azzjoni kontra abbużi simili. Madankollu, il-Knisja ma tistax ma tiddeplorax bil-qawwa kollha l-każi fejn, bil-mod kif jaġixxu, xi taqsimiet tal-mass media jagħżlu t-triq tas-sensazzjonaliżmu u tat-twarrib tal-prinċipji etiċi.”

Fil-Festa ta’ Kristu Sultan (23 Novembru 2003) l-Arċisqof Mercieca qal ukoll dan li ġej:

“Jista’ jkun li hawn fostna għadd ta’ ħutna Maltin li din is-sena qegħdin jiċċelebraw il-Festa ta’ Kristu Re b’nofs qalb jew nuqqas ta’ ħeġġa. Iħossu li l-allegati każi ta’ abbużi sesswali ta’ minuri minn saċerdoti jew reliġjużi fi djar tat-tfal subien matul is-snin, bħal heżżu x-xbiha tal-Knisja f’Malta. Hawn min qed iħossu skandalizzat malli biss jisma’ bil-kelma ‘Knisja’. Ma jonqosx min jgħid li hija l-Knisja li qed tbiegħed in-nies minn Alla jew saħansitra ġġiegħlhom iwarrbu l-fidi.

L-abbuż sesswali fuq it-tfal jikkaġuna tbatija kbira u deni spiritwali gravi lill-vittmi. Jista’ wkoll jitfa’ dell ikrah fuq il-kredibilita’ tal-Knisja.

Dan l-abbuż huwa ta’ min jikkundannah u jistmerru bl-iktar mod ċar u qawwi. In-nies tal-Knisja li jwettqu abbużi mill-iżjed koroh bħal dawn iġorru fuq spallejhom mhux biss id-deni kollu li jkunu kkaġunaw lill-vittmi, imma wkoll l-iskandlu ta’ għemilhom u l-ħsara li dan inissel fil-ħajja tal-Knisja u fl-impenn tagħha li xxandar l-Evanġelju. Il-gwaj tad-dnub gravi tagħhom ikun kbir u mifrux.”