Nhar it-2 ta’ Mejju 2023, ġiet inawgurata l-pittura ta’ Mons. Arthur Said Pullicino f’lejlet it-tielet anniversarju mill-mewt tiegħu, fit-Tribunal Metropolitan fil-Belt Valletta mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u fil-preżenza tal-ħaddiema taż-żewġ tribunali ekkleżjastiċi u l-qraba tiegħu. Mons. Said Pullicino serva bħala Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta għal 38 sena.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Mons. Joseph Bajada, il-Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Stanza kif ukoll ħabib personali u kollaboratur ta’ Mons Said Pullicino, għal żmien twil, ftakar kemm Mons. Said Pullicino kellu dedikazzjoni għat-tfittxija għall-verità. Tant kien jemmen fiha li dak li kellu jgħidlek kien jgħidhulek, int min int u int f’liema kariga int. Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, Mons Bajada rringrazzja lill-Kanċillier Alessandra Dee Crespo, tal-idea u tal-ħidma tagħha biex dan iseħħ.

Dun Brendan Gatt, il-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Metropolitan, semma li t-tribunali huma li huma llum grazzi għax-xogħol kollu li sar minn dawk li ġew qabilhom, inkluż ta’ Mons. Said Pullicino, li jqisu bħala wieħed mill-‘ġganti’ li tant ħadmu għal dan il-għan.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi żied, “Illum qegħdin ngħożżu l-ħidma li għamel Mons. Said Pullicino u li ħalliet tant ġid. Permezz ta’ din l-okkażjoni qed nuru l-apprezzament tagħna għal bniedem li tant ta f’ħajtu kollha bis-servizz li ta hawnhekk. U għamel dan b’dedikazzjoni u kompetenza kbira. Jalla li meta naraw il-pittura tiegħu niftakru f’dan, speċjalment fl-ispirtu ta’ fedeltà lejn il-Knisja, li tant hu meħtieġ illum.”

 Il-pittura saret mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia.

Aktar ritratti