Ġie inawgurat ix‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq żewġ pitturi tal‑artist Malti Francesco Zahra, li jinsabu fil‑kor tal‑Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l‑Isla. Dan il‑proġett sar mill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. L‑inawgurazzjoni saret mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l‑Arċipriet Kan. Robin Camilleri.

Il‑pitturi juru l-Lunzjata u l‑Preżentazzjoni tal‑Verġini Mqaddsa Marija u saru fl-1741, meta Francesco Zahra kien jgħix l‑Isla. L‑ewwel interventi ta’ restawr fuq dawn iż‑żewġ pitturi kbar saru fl‑istess żmien li l‑knisja kienet qed terġa’ tinbena minħabba l‑ħsarat li ġarrbet waqt it‑Tieni Gwerra Dinija. Mill‑istudju li sar jirriżulta li l‑ikbar ħsara saret lit‑tili u t‑tilari tal‑injam. Id‑deterjorament taż‑żewġ pitturi seta’ ġie kkawżat ukoll miż‑żebgħa li tqiegħdet fuq il‑verniċ waqt l‑interventi li saru mal‑medda ta’ snin. Dan il‑proġett ta’ restawr taż‑żewġ pitturi ġie jiswa ftit iktar minn €28,500.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li tassew jixraq li l‑inawgurazzjoni taż‑żewġ pitturi saret ftit jiem qabel il‑festa ta’ Marija Bambina, kif ukoll lejlet it‑tifkira taċ‑ċentinarju mill‑inkurunazzjoni tal‑istatwa ta’ Marija Bambina. Huwa qal li x‑xogħol komplut fuq dawn il‑pitturi ta’ Francesco Zahra jservi ta’ ġid mhux biss għall‑komunità Sengleana imma wkoll għall‑Knisja kollha f’Malta u għas‑soċjetà Maltija. “Meta nieħdu ħsieb il‑wirt artistiku, kulturali u reliġjuż, u nagħmlu dan flimkien, qegħdin nagħtu messaġġ importanti li dak li hu sabiħ irridu nħarsuh u nipproteġuh”. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lill‑poplu tal‑Isla, lill‑Arċipriet Dun Robin Camilleri u l‑Kapitlu tal‑Kolleġġjata, kif ukoll lis‑Segretarjat Parlamentari għall‑Fondi Ewropej tal‑kontribut siewi tagħhom.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li x‑xogħlijiet li sar fil‑Bażilika tal‑Isla jagħmlu parti minn proġett ferm akbar li hemm allokat għalih madwar €4.5 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej li jinkludi numru ta’ lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex bl‑għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali reliġjuż fil‑gżejjer Maltin. Dr Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu ninvestu aktar fondi mill‑Unjoni Ewropea fil qalba tal‑lokalitajiet.

Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li dan hu l-14‑il proġett ta’ restawr u konservazzjoni li qed tinawgura l‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.  Huwa rringrazzja lill‑kumpanija Re‑Coop u EMCS tal‑kontribuzzjoni esperta tagħhom.

Il‑restawr taż‑żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra fl‑Isla huma parti minn sensiela ta’ 32 proġett li qed jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej permezz tal‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Sa issa ġew inawgurati proġetti oħra ta’ restawr fil‑Bidnija, il‑Mosta, l‑Imdina, Ħal Balzan, ir‑Rabat, Raħal Ġdid (Kristu Re), Ħal Tarxien, Ħad‑Dingli, l‑Imġarr, Marsaxlokk, Birkirkara (Santa Liena), Ħ’Attard u Ħal Għargħur.