L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u niċċelebraw is‑60 anniversarju minn meta pajjiżna kiseb l‑Indipendenza u sar stat sovran u awtonomu, xtaqt ninseġ ir‑riflessjonijiet tiegħi fuq tliet frażijiet għeżież li għallimna s‑saċerdot qaddis Malti San Ġorġ Preca (1880–1962):

Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla;

Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok;

Ejjew inkunu Ħbieb tal‑Evanġelju.

Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla

Din it‑talba ta’ Dun Ġorġ, illum issir talba ta’ kull wieħed u waħda minna, tagħna lkoll: Grazzi, Sinjur Alla u aħfrilna, Sinjur Alla!

Grazzi, Sinjur Alla

Grazzi talli matul il‑medda tas‑sekli, inti sawwartna bħala poplu b’patrimonju għani, bi lsien li jsaħħrek, u b’kultura u tradizzjonijiet b’għeruq sodi, li jinsġu l‑identità tagħna u jagħmluna dak li aħna.

Grazzi talli żejjint lill‑gżejjer tagħna bi ġmiel naturali kbir, bi flora u b’fawna endemiċi. Il‑portijiet naturali tagħna tawna l‑isem ta’ Malat, li jfisser ‘port sikur’ u ‘ħarsien kenni’. Il‑ħlewwa tal‑għasel tan‑naħla tagħna tatna l‑isem ta’ Melite, li tfisser ‘art li tnixxi l‑għasel bnin’.

Grazzi tal‑fidi li ġabilna San Pawl, u li tul is‑snin ħalliet ġid kbir u ispirat impenn soċjali qawwi fost il‑Maltin.

Grazzi li libbist lil Malta bl‑oħla dawl: id‑dawl tal‑fidi.

Grazzi ta’ kemm ħarist lil missirijietna tul is‑sekli: ħaristna mill‑mard u mill‑epidemiji, ħaristna mill‑ġuħ u fil‑gwerer, u ħaristna mill‑qilla tal‑għadu.

Grazzi tal‑għana ħelwa li ħarġet minn fomm il‑poplu tagħna huwa u jifraħ bil‑fidi tiegħu, huwa u jitolbok fil‑hemm u t‑tiġrib.

Grazzi ta’ tant Maltin u Għawdxin li ħabbew tassew lil artna u taw ħajjithom għall‑ġid tal‑poplu tagħna fil‑qasam tal‑politika, il‑letteratura u l‑arti, ix‑xjenza u il‑arkeoloġija, l‑arkitettura, u d‑diversi snajja tal‑id u l‑ħiliet l‑oħra tal‑qalb u tal‑moħħ.

Grazzi tal‑isforzi kollha tal‑politiċi tagħna, ta’ kull naħa, li f’dawn l‑aħħar sittin sena ħadmu — fost tant diffikultajiet — biex l‑istituzzjonijiet u l‑ekonomija ta’ pajjiżna jwettqu tassew il‑ħolma tas‑sovranità, tal‑progress soċjali u tal‑iżvilupp integrali.

Grazzi ta’ kemm beriktna fl‑ulied u fin‑nanniet tagħna.

Grazzi, Sinjur Alla.

Aħfrilna, Sinjur Alla

Aħfrilna, Sinjur Alla, ta’ kemm‑il darba ma rringrazzjajniekx; ta’ kemm‑il darba ma apprezzajniex biżżejjed il‑wirt naturali u storiku tagħna.

Aħfrilna ta’ kemm‑il darba l‑qalb tagħna xrafet għal xulxin u għal ħutna li żaruna.

Aħfrilna ta’ kemm‑il darba r‑regħba saret il‑velenu li jmexxina, u sraqna minflok tajna, ħattejna minflok bnejna, jew meta bnejna ħażin u għall‑flus biss.

Aħfrilna ta’ kemm‑il darba l‑politika għamilnieha okkażjoni ta’ qligħ personali u żvog għall‑ambizzjoni tagħna.

Aħfrilna tal‑arroganza u l‑korruzzjoni li jtappnu l‑glorja ta’ pajjiżna.

Aħfrilna tal‑vjolenza fil‑kliem u fl‑għemil li wasslet saħansitra għall‑assassinju tal‑vuċijiet skomdi u ta’ vittmi innoċenti.

Aħfrilna ta’ kemm‑il darba sfruttajna l‑barrani fostna.

Aħfrilna u ħenn għalina.

II  Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok

It‑talba li tant kienet għal qalb Dun Ġorġ issir illum it‑talba tagħna l‑Maltin u l‑Għawdxin: Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok.

Għandna bżonnok biex tgħallimna l‑ħarsa tiegħek fuq il‑ħolqien, fuq ħutna l‑bnedmin u fuqna nfusna.

Għandna bżonnok biex tfakkar kemm hi prezzjuża l‑ħajja tagħna u ta’ kull wieħed u waħda minna sa mill‑bidu tat‑tnissil sat‑tmiem naturali tagħha.

Għandna bżonnok biex tfakkarna li l‑Għaxar Kmandamenti huma għaxar kelmiet ta’ dawl li jiddi fid‑dlam; għaxar kelmiet ta’ ħelsien li jerfgħuna mill‑jasar; għaxar kelmiet li jgħallmuna l‑lealtà, il‑fedeltà, is‑safa, il‑ġustizzja, il‑verità u l‑ġenerożità li jbegħduna mill‑għira, mill‑vjolenza, mir‑regħba u mill‑ħruxija tal‑qalb.

Sinjur Alla, aħna ksibna l‑indipendenza politika u istituzzjonali. Sittin sena ilu, il‑Maltin għażlu jirrikonoxxu r‑rwol fejjiedi tar‑reliġjon, tal‑libertà reliġjuża u tal‑kult. Għażlu wkoll jirrikonoxxu d‑drittijiet fundamentali tal‑bniedem, u matul dawn is‑sittin sena diversi liġijiet komplew jiżviluppaw strutturi u mezzi ta’ inklussività u ta’ ħarsien għad‑dinjità ta’ kull bniedem.

Sinjur Alla, bierek dawn l‑isforzi ġenwini u saffi dak kollu li jfarrakna u jkissirna għaliex aħna tassew għandna bżonnok.

III   |  Ejjew inkunu Ħbieb tal‑Evanġelju

Dun Ġorġ Preca kien isejjaħ il‑kliem ta’ Ġesù li nsibu fl‑Evanġelju bħala ‘Leħen il‑Maħbub’. Kien ispirat mill‑kliem li l‑Missier lissen fuq il‑Muntanja Tabor waqt li Ibnu Ġesù deher jiddi bil‑glorja waqt it‑trasfigurazzjoni tiegħu: “Dan hu Ibni l‑għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7).

Dun Ġorġ kien iħobb jistieden lil ħutu l‑Maltin u l‑Għawdxin biex ikunu ‘Ħbieb tal‑Evanġelju’. Li tkun ħabib tal‑Evanġelju tfisser li tħobb dak li ħabb Ġesù u tistmerr dak li stmerr Ġesù.

Ġesù stmerr l‑arroganza u l‑vanaglorja, u ħabb l‑umiltà u l‑manswetudni.

Ġesù stmerr il‑gideb u l‑vjolenza, u ħabb il‑verità u l‑paċi, is‑safa u l‑imħabba.

Ġesù ħabb lill‑fqir u qalilna bl‑iżjed mod ċar: “Kulma għamiltu mal‑iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

IV   |  Il‑Ħames Barkiet

Fil‑bidu ta’ din is‑sena, aħna, l‑Isqfijiet Maltin u Għawdxin, ipproponejna l‑ħames barkiet li Dun Karm jitlob fuq pajjiżna fl‑Innu Malti biex ikunu ta’ gwida u jdawlu l‑għażliet u l‑ġejjieni tagħna: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem.

L‑għaqda u s‑sliem huma frott ir‑rikonċiljazzjoni vera, xi ħaġa li pajjiżna ilu għexieren ta’ snin jitkellem dwarha u li tant għandu bżonn. Din ir‑rikonċiljazzjoni tinkiseb u tiġi milqugħa meta nħaddmu d‑dehen u l‑ħniena.

Din is‑sena wkoll niċċelebraw il‑50 anniversarju mid‑dikjarazzjoni tar‑Repubblika, nhar it‑13 ta’ Diċembru 1974. Dan kien kapitlu ieħor importanti fl‑iżvilupp ta’ pajjiżna. Jalla dawn l‑anniversarji jkunu ċelebrazzjonijiet li jimlew il‑poplu tagħna b’sens qawwi ta’ tama u bi spirtu sabiħ ta’ ottimiżmu. Jalla nikbru fl‑umiltà biex naħdmu flimkien waqt li naffaċċjaw l‑isfidi li qatt ma jonqsu.

Jalla Malta tkompli toffri s‑sehem tagħha fil‑komunità internazzjonali bħala promotriċi tad‑djalogu u diplomazija, bħala xhieda tar‑raġuni fuq ir‑raġunijiet tal‑qawwa.

Jalla din l‑art ħelwa, l‑Omm li tatna isimha, tkompli titgħaxxaq bl‑oħla dawl li bih Mulej lilha Int libbist. Ħares Mulej lil Malta, kif dejjem Int ħarist.

Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta 


Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov. 20:26-28;21,1-5
Salm: 36:1-7a; 10-13
Qari II: Kol 3:1-4; 12-17
L-Evanġelju: Ġw 13:1-17

Aktar ritratti