Id-Dar Editriċi tal-Franġiskani Konventwali, Reliġjon u Ħajja (RuĦ), għadha kif ippubblikat id-dokument Laudate Deum tal-Papa Franġisku bil-Malti. It-traduzzjoni saret minn Francesco Pio Attard, il-ktejjeb hu ta’ 48 paġna u bl-istess format tal-Enċiklika Laudato Si’ li kienet ppubblikata fl-2015. Il-ktieb bl-Enċiklika Laudato Si’ bil-Malti kien ġie eżawrit u RuĦ ħarġet edizzjoni ġdida tiegħu flimkien mad-dokument Laudate Deum.

L-ambjent u l-ħsara li qed iġarrab permezz tal-iżvilupp sfrenat mill-bniedem huma suġġett li l-Papa Franġisku qed jisħaqq ħafna fuqu u li kontintwament qed jagħmel riferenzi għalihom f’diskorsi u kitbiet tiegħu. Kien għal din ir-raġuni li fl-4 ta’ Ottubru 2023, il-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, hu ffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Laudate Deum (Faħħru lil Alla) dwar il-kriżi fil-klima.

Dan id-dokument, kif jgħid il-Papa stess fil-bidu tiegħu, hu kontinwazzjoni tal-Enċiklika tiegħu Laudato Si’ għax“m’aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed, ladarba d-dinja li tilqagħna fiha qed titfarrak u forsi miexja lejn il-punt li fih titkisser”. Għalhekk il-Papa Franġisku tana f’idejna dokument ieħor biex nintebħu linistgħu nsalvaw l-istess dinja tagħna billi naħdmu sfiq għall-ħarsien tal-ambjent u tal-klima.

Għat-titlu tad-dokument, bħalma kien dak ta’ Laudato Si’, il-Papa jikkwota l-kliem ta’ San Franġisk: “Faħħru lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu”. Id-dokument hu maqsum f’sitt kapitli. Il-Papa jitratta l-kriżi globali fil-klima filwaqt li jargumenta li fid-dinja hawn reżistenza u konfuzjoni dwar din it-tema. Ikompli kif din il-kriżi qed isseħħ u kif il-bniedem qed jikkawżha. Hu jtemm l-ewwel kapitlu billi jgħid li hemm ħafna ħsarat li qed iseħħu fil-ħajja soċjali, fiżika u psikoloġika tal-bniedem u r-riskji li dawn ikomplu jiggravaw huma kbar.

Fit-tieni kapitlu l-Papa jitkellem dwar il-paradigma teknokratika li dejjem qed tikber u li qed twassal għal anqas rispett lejn l-ambjent. Id-dokument jistedinna biex nerġgħu naħsbu ftit kif għandna nużaw il-poter u kif l-etika tista’ tkun ta’ niggieża għalina fid-dmir li għandna lejn il-ħolqien.

Fit-tielet kapitlu l-Papa jitkellem dwar id-dgħjufija tal-politika internazzjonali u jgħid li jeħtieġ insawru multilateraliżmu ġdid.

Wara dan wieħed isib rassenja dwar il-konferenzi li saru fuq il-klima u kif dawn ħallew progress jew falliment.

Fil-ħames kapitlu l-Papa rrifletta dwar l-laqgħa COP28 li ltaqgħet wara f’Dubai bejn it-30 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru 2023.

L-aħħar kapitlu jitratta l-motivazzjoni spiritwali li hemm fid-dmir għall-ħarsien tal-klima.

L-Edizzjoni Maltija tad-dokument fiha ndiċi qasir, iżda utli ħafna, ta’ Professur Monsinjur Hector Scerri.

Iż-żewġ kotba bħalissa qed jinbiegħu b’offerta speċjali (€8 flok €10) mill-ħwienet Emmaus f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex inkella online www.ruhmalta.com

Sors: Newsbook Malta