Il-ġid komuni u l-ġustizzja soċjali huma żewġ temi rikorrenti fid-diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li ġew ippublikati fil-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’. Dan il-ktieb li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu jiġbor l-omeliji, l-artikli u l-messaġġi ta’ Mons. Scicluna fl-2018, ir-raba’ sena tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta. L-Arċisqof ippreżenta kopja ta’ dan il-ktieb lill-President George Vella u lill-awtoritajiet tal-Istat waqt l-iskambju tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.

Il-ktieb juri li fl-2018 iż-żgħażagħ kienu protagonisti ewlenin fil-Knisja. Minbarra diversi attivitajiet oħra li saru lokalment, Mons. Arċisqof mexxa pellegrinagg fl-Art Imqaddsa flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ Maltin, u attenda għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar ‘Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali’ li sejjaħ il-Papa Franġisku.

F’din ir-raba’ edizzjoni tal-ktieb wieħed isib ukoll l-ordinazzjoni episkopali taI-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – l-ewwel ordinazzjoni ta’ isqof li mexxa Mons. Scicluna – u l-pussess ta’ 12-il kappillan ġdid fejn l-Arċisqof jgħallem mhux biss dwar ir-rwol tal-kappillan iżda wkoll dwar il-bini tal-komunità fil-parroċċa.

Il-ktieb ta’ aktar minn 600 paġna jinkludi 50 paġna ta’ ritratti bil-kulur li ttieħdu f’diversi ċelebrazzjoniijiet fil-parroċċi u waqt attivitajiet oħra. ‘Kelma ta’ Ħabib’ fih indiċi analatiku biex il-qarrejja jsibu t-tagħlim tal-Arċisqof fuq suġġett partikulari, u għadd ta’ QR (Quick Response) codes fejn bl-użu tal-ismartphonel-qarrejja jistgħu jaraw il-filmat taċ-ċelebrazzjoni fuq YouTube. Dan il-ktieb huwa ppublikat mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Il-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’ jinbiegħ għall-prezz ta’ €15 u jista’ jinxtara mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana; minn Emmaus f’Birkirkara u mil-Librerija Preca fil-Marsa. Il-ktieb huwa sponsorjat mill-APS Bank.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna jippreżenta ‘Kelma ta’ Ħabib’ lill-President ta’ Malta George Vella