Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) huma serjament imħassba dwar diversi punti proposti fil‑white paper dwar “l‑użu responsabbli tal‑kannabis”.

Fid‑dawl tal‑proposti mressqa, is‑Segretarjat u s‑CSA jisħqu li għandha tingħata prijorità għall‑konsegwenzi marbuta mas‑saħħa mentali taż‑żgħażagħ kif ukoll dwar tisħiħ ta’ kultura ta’ konsum ta’ droga fost il‑ġenerazzjonijet żagħżugħa ta’ issa u tal‑futur. Għalhekk, qed jappellaw lill‑membri parlamentari sabiex iżommu dejjem l‑ewwel u qabel kollox is‑saħħa mentali taż‑żgħażagħ u mhux l‑interessi tal‑ftit li ser jistgħanew minn fuq dan in‑negozju.

Is‑Segretarjat u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja jaqblu u jappoġġjaw bis‑sħiħ il‑punti msemmija fl‑istqarrija konġunta tal‑Caritas Malta, il‑Fondazzjoni Oasi u l‑Assoċjazjoni tal‑Psikjatri f’Malta, li tispjega diversi konsegwenzi negattivi għaż‑żgħażagħ u tfal Maltin u Għawdxin, kemm il‑darba l‑liġi tgħaddi kif propost.