L-Isqfijiet Ewropej ġabru rappreżentanti minn 29 pajjiż sabiex joħolqu strateġiji għall-promozzjoni tas-solidarjeta fil-kontinent fl-ewwel jiem soċjali kattoliċi għall-Ewropa li qatt saru, imsejħa Catholic Social Days for Europe. Dawn il-jiem, sponsorjati mill-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Komunita Ewropea, kienu organizzati fl-aħħar jiem fi Gdansk fil-Polonja.

Fid-diskors tal-għeluq, intitolat “Solidarity Is the Future of Europe” – “Is-Solidarjeta hija l-ġejjieni tal-Ewropa”, l-Isqfijiet fakkru fis-70 anniversarju minn ftuħ it-tieni gwerra dinjija u fit-tiftix għar-rikonċiljazzjoni li wassal għat-tiswir tal-Unjoni Ewropea.

L-Isqfijiet isottolinejaw l-importanza tal-prinċipji tas-solidarjeta u s-sussidjarjeta sabiex jiġi promoss il-ġid komuni fl-Ewropa kollha. Isuktaw jaffermaw li “imġieba egoistika, l-utilitarjaniżmu u l-materjaliżmu jeħtieġ li jagħmlu l-wiesgħa għas-solidarjeta bejn kulħadd, kif muri fiż-żmien ta’ kriżi ekonomika dinjija. Id-dinjita tal-ħajja umana mill-mument tat-tnissil sal-mewt naturali għandha tiġi rispettata. M’għandniex nibżgħu. Is-solidarjeta hi l-futur komuni għal kulħadd”.

Temmew jgħidu li “l-għaqda Ewropea kienet il-ħolma ta’ xi wħud. Saret it-tama għal ħafna. Ilum huwa dmirna li nassiguraw li tkompli sservi l-għan ta’ solidarjeta globali”.