Nhar il-Ħamis 8 ta’ Ottubru, aktar minn mitejn żagħżugħ u żagħżugħa li wettqu ħidma volontarja matul din l-aħħar sena ltaqgħu ma’ l-Arcisqof Pawlu Cremona OP, f’attività kkordinata mill-grupp Gi.Fra. Floriana (Gioventu Francesacana) u kkummissjonata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ). Din l-attività, li saret fil-Magazino, Valletta Waterfront, bis-sehem tal-Onor. Clyde Puli, ġiet imtella’ bħala parti miċ-Ċelebrazzjonijiet imħejjija mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-attività bit-tema ta’ Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2009 “It-tama tagħna hi f’Alla l-Ħaj” (1 Tim 4:10) kienet imżewqa bi preżentazzjonijiet minn gruppi differenti li rrakkuntaw  l-esperjenzi tagħhom ta’ ħidma f’Malta u anke barra minn Malta. L-Arċisqof Pawlu Cremona, filwaqt li sellem liż-żgħażagħ voluntiera bħala ‘l-aqwa ambaxxaturi għal Knisja u għal pajjiżhom’, faħħarhom għal ħidma kollha li għamlu, u ħeġġiġhom sabiex ikomplu b’dan l-ispirtu ta’ solidarjeta u servizz matul is-sena.

Wara li l-Arċisqof flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Onor Clyde Puli u d-Delegat ta’ l-Arċisqof għaż-Żgħażagħ, Fr. Savio Vella sdb,  ippreżentaw tifkira ta’ l-okkażjoni lil gruppi ta’ żgħażagħ preżenti, huma għamlu mixja ma’ tul il-Valletta Waterfront fejn żaru diversi attivitajiet imtella’ minn gruppi ta’ żgħażagħ fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żgħażagħ.