• Ittra Pastorali għall-Avvent 2013

  • Il-Milied Festa tal-Għerusija tal-Mulej mal-Poplu Tiegħu

  • Biex tara il-verżjoni għat-tfal, agħfas hawn

    Iż-żmien liturġiku tal-Avvent u l-Milied ifakkarna fl-istennija u  l-miġja tal-Mulej fostna. Kif insibu fil-bidu tal-Ittra lil-Lhud:  “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien” (Lhud  1, 1-2).

    San Pawl Missierna jiġbor fil-qosor it-tifsira tal-festi li sejrin niċċelebraw fil-ġimgħat li ġejjin: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi” (Galatin 4, 4).

    Fl-ewwel parti taż-żmien qaddis tal-Avvent, il-Knisja tistedinna nishru bl-imsiebaħ tal-fidi mixgħula f’idejna waqt li nistennew it-tieni miġja tal-Mulej. Ġesù stess jagħtina dan il-parir qawwi: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom” (Luqa 12, 35-37).

    Il-Mulej Ġesù diversi drabi jirreferi għalih innifsu bħala l-għarus tal-komunità ta’ dawk li jemmnu , bħala l-għarus tal-Knisja. Meta l-Fariżej u l-Kittieba jistaqsu lil Ġesù għaliex id-dixxipli tiegħu ma jsumux, iżda jieklu u jixorbu, huwa jirrispondi: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?” (Luqa 5, 34).

    L-istess Ġwanni l-Battista jinsisti li Ġesù huwa l-għarus għax Ġesù għandu l-għarusa – il-Knisja.  Il-ħabib tal-għarus, li qiegħed ħdejn l-għarus, jifraħ xħin jisma’ leħen il-għarus. Ġwanni jsostni: “U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. Jeħtieġ jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3, 29-30).

    Ix-xbieha sabiħa ta’ Ġesù bħala l-għarus tal-poplu tiegħu ssib l-għeruq tagħha fil-kitbiet tal-Profeti, speċjalment fil-profeta Isaija.  Dan il-profeta juri l-imħabba li Alla għandu għal Sijon, il-belt qaddisa li tirrappreżenta l-poplu ta’ Iżrael, bix-xbieha tal-għerusija: “Bħalma għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek” (Isaija 62, 5).

    Fil-profeta Hosegħa nsibu lil Alla li jkellem lill-Poplu tiegħu bl-istess xbieha tal-għerusija. Il-Poplu jiġi mqabbel ma’ mara żienja li tħalli lil żewġha u tmur wara ħbieb ġodda li minnhom tħoss li rċiviet il-ġid li għandha. Il-Poplu, bħal dik il-mara, jinsa min hu tassew Dak li mlieh b’kull ġid (cf. Hos 2, 7-10).  Infatti l-ktieb tal-Profeta Hosegħa huwa karba ħierġa mill-qalb ta’  Alla, l-għarus ta’ Iżrael, minħabba l-infedeltà tal-poplu tiegħu:  “Tlewmu ma’ ommkom! Tlewmu magħha! Għax hi mhijiex marti, u jien m’iniex żewġha. Ħa twarrab iż-żina tagħha minn fuq wiċċha, u l-adulterji tagħha minn ħobbha” (Hos 2, 4). Iżda qalb il-Mulej malajr tinħall bil-ħniena għal Iżrael u jagħżel li jagħmel rabta ġdida mal-Poplu, rabta li tibqa’ għal dejjem: “Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena, b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi, u int tagħraf lill-Mulej” (Hos 2, 21-22). Dan għaliex anki “jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2,13).

    L-Appostlu Missierna juri mħabba kbira lejn il-komunitajiet Insara li kien waqqaf bil-ħidma u l-predikazzjoni tiegħu. Lill-komunità ta’ Korintu, belt fil-Greċja, Pawlu jikteb kliem tassew imqanqal meta jinduna li ħutu l-Insara jistgħu jiġu ingannati minn xi profeti foloz:  “Jien għajjur għalikom bl-istess għira ta’ Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex inressaqkom quddiem Kristu” (2 Kor. 11, 2).

    Fl-ittra lill-Insara ta’ Efesu, belt fit-Turkija, San Pawl ifisser l-imħabba li Ġesù Kristu għandu għall-Knisja, għalina lkoll, bit-tixbieha sabiħa taż-żwieġ:  “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.  U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ‘il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ‘il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir! Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha” (Efesin 5, 25-33).

    Iż-żmien tal-Avvent u l-Milied għandu jgħinna nirriflettu fuq kif aħna nħobbu lil Alla u jekk bħala komunità Nisranija aħniex tassew ngħixu fil-fedeltà lejn Alla li rabatna miegħu “fis-sewwa u fil-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena” (Hos 2,21). Huwa żmien provvidenzjali biex niskopru u ngħixu l-fidi tagħna bħala relazzjoni ħajja ta’ mħabba mibnija fuq il-fedeltà lejn dak Alla li jaħfrilna għax minn qalbu jħobbna u ma jinkurlax għalina (cf. Hos 14,5). Li ngħixu l-fidi tagħna bħala relazzjoni ħajja hija xi ħaġa aktar eżiġenti mis-sempliċi osservanza ta’ xi liġi. L-osservanza tal-liġi tista’ tkun waħda esterna, bħalma kienet dik ta’ xi Fariżej fi żmien Ġesù, fejn wieħed iżomm l-“image” tiegħu esterjuri imma qalbu ma tinbidilx. Relazzjoni ħajja, iżda, trid tibda mill-qalb u tisfida lill-qalb biex tinfetaħ dejjem aktar ħalli tfur bl-imħabba ta’ Alla. Relazzjoni ħajja titlob li l-bniedem jagħti ħin biex jisma’ l-leħen ta’ dak Alla li jħobbu. Relazzjoni ħajja titlob li l-bniedem jagħmel għażla biex jimxi biss wara dan il-leħen, filwaqt li jħalli ilħna oħrajn. Relazzjoni ħajja titlob minn kull persuna t-tiġdid kontinwu tal-memorja ta’ dak kollu li Alla wettaq fil-ħajja u fl-istorja tal-bniedem. Relazzjoni ħajja titlob ukoll deċiżjoni ċara minn kull wieħed u waħda minna li ma naljenawx ruħna wara ħbieb foloz li fil-fatt huma ħakkiema li jassru lill-bniedem bl-ideoloġiji u bil-wegħdiet foloz tagħhom. 

    Dan iż-żmien qaddis huwa tassew mument tajjeb biex inġeddu l-impenn li ngħixu dejjem aktar bħala l-“ħbieb tal-Għarus”, li nkunu ħdejn Ġesù u nisimgħuh, u nifirħu meta nisimgħu leħnu (cf. Ġw 3,29). Li nkunu ħbieb jitlob li nxandru din l-għerusija ta’ Alla mal-bnedmin, lill-bniedem ta’ żminijietna billi nkunu aħna minn tal-ewwel li nħobbu lil kull bniedem fid-dawl ta’ Kristu, il-Verità li teħles (cf Ġw 8,32).

    Il-festi sbieħ tal-Milied li fihom nagħtu l-awguri u r-rigali lil xulxin, li fihom naħsbu f’min hu fil-bżonn u li fihom il-poplu Malti u Għawdxi mdorri juri solidarjetà qawwija u ġeneruża mal-proxxmu, jibqgħu jkunu tassew sbieħ daqskemm u sakemm jibqgħu tifkira ħajja u attwali tal-imħabba li Alla wera magħna fit-twelid ta’ Ibnu l-waħdieni minn Marija ta’ Nazzaret.

    Jalla l-festi tal-Milied jibqgħu festi ta’ għożża fil-familji tagħna. Jalla jibqgħu festi Nsara fejn kulħadd isib qalb li tħobb u li tħaddnu magħha bi mħabba safja u qaddisa; fejn it-tfal, imħarsa minn kull xkiel u għajb, jifirħu b’ferħ qaddis; fejn l-anzjani u l-morda jsibu l-wens qawwi tal-familjari; fejn ir-rabta tal-imħabba tberred l-anatagoniżmu u ssikket il-polemika.

    Jalla l-festi tal-Milied jibqgħu jfakkruna fl-għażla ta’ Alla li jkun magħna u li jsalvana: li jkun għalina Għimmanu-El (li bi lsienna jfisser “Alla magħna”) u li jkun għalina Ġesù (li bi lsienna jfisser “Alla Salvatur”).  Dan l-għarfien għandu jinkoraġġina biex inkunu dejjem iżjed ta’ sapport għal xulxin u biex f’kull ambjent inwasslu l-balzmu tal-maħfra, tal-ġustizzja, tal-bżulija, tal-irġulija.

    Jalla l-festi tal-Milied ifakkruna fl-għażla ta’ faqar li l-Mulej għamel biex isalvana:  “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Gesù Kristu, li għad li kien għani ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor. 8, 9).  Dan l-għarfien għandu jwassalna biex nagħmlu kulma nistgħu biex fis-soċjetà tagħna jkollna tqassim ġust tal-ġid u jittejbu l-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u tal-pensjonanti.

    F’dawn il-festi tal-Milied, ejjew flimkien imbierku lill-Mulej għall-imħabba kbira li wera magħna, bnedmin dgħajfa.  Imberkuh u nfaħħruh talli hu “ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (Luqa 19, 10).

    Filwaqt li nixtiqulkom mill-qalb Avvent qaddis u Milied ħieni fil-Mulej, nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

    Illum, 24 ta’ Novembru 2013, Solennità ta’ Kristu Re.

    .

      Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta

      Mario Grech​

    Isqof ta’ Għawdex

      Charles J. Scicluna

    Isqof tit. ta’ San Leone

    Isqof Awżiljari u Vigarju Ġenerali ta’ Malta