Rispett lejn il-Verità u lejn xulxin

Għeżież ħutna,

L-Elezzjonijiet Ġenerali huma mument ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ kull soċjetà demokratika. Kull ċittadin għandu jħossu fid-dmir li jipparteċipa b’mod ħieles u responsabbli; il-kandidati billi jagħżlu li jkunu ta’ servizz għal kulħadd u l-elettorat billi jesprimi l-vot tiegħu.

Il-Knisja tirrispetta l-awtonomija tal-Istat u timpenja ruħha li ddawwal il-kuxjenza libera taċ-ċittadini f’isem il-ġid komuni u f’isem il-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna, hi min hi. Il-Knisja la tippretendi u lanqas titlob privileġġi. Hi, bħal kull soċjetà oħra, tistenna li tibqa’ tgawdi l-ħelsien li tkompli, u li tippromwovi, il-missjoni pastorali tagħha ta’ tagħlim u ta’ karità.

F’dan l-ispirtu ta’ rispett u ta’ kollaborazzjoni, aħna l-isqfijiet nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għal erba’ aspetti ta’ importanza kbira: il-familja, il-ġenerazzjoni żagħżugħa, il-fqar u l-batuti, u l-ambjent.

Il-familja mibnija fuq iż-żwieġ, li hu r-rabta dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda, għandha tibqa’ l-ambjent naturali u soċjali li minnu jitwieldu u fih jitrabbew l-ulied. L-Istat jagħmel tajjeb jekk fl-istituzzjonijiet, fil-liġijiet u fl-għażliet politiċi tiegħu jippromwovi lil dan l-ambjent ta’ familja li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom jgħożżu. Meta jħoss il-bżonn li jgħaddi liġijiet dwar relazzjonijiet differenti bejn iċ-ċittadini tiegħu, għandu jipproteġi u jiżgura d-dinjità ta’ kull individwu mingħajr ma jċekken ir-rwol essenzjali tal-familja, tal-missier u l-omm flimkien mat-tfal.

Il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkompli tgawdi mill-għajnuniet kollha neċessarji fl-edukazzjoni u fil-prospetti tax-xogħol. Għandu jsir kull sforz biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-suq qerriedi tad-droga li tant drabi jipprova jaqbad liż-żgħażagħ tagħna fin-nassa kiefra tiegħu. Fuq nota pożittiva, ta’ min ifaħħar u jinkoraġġixxi l-inizjattivi li joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jagħmlu esperjenza ta’ xogħol voluntarju f’pajjiżna u barra minn pajjiżna.

Il-fqar u l-batuti jibqgħu dejjem magħna. Aħna l-isqfijiet nuru l-apprezzament tagħna għal dak kollu li jsir minn kulħadd biex fis-soċjetà Maltija jonqos il-faqar u tittaffa t-tbatija. Kull bniedem għad irid jiġi ġġudikat minn Alla fuq kif ħa ħsieb il-batut u l-fqir. Aħna u nfittxu l-progress ekonomiku għandna naħdmu biex il-ġid jitqassam b’mod ġust waqt li l-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema jitjiebu dejjem aktar.

L-ambjent huwa patrimonju imprezzabbli li għandna d-dmir inħarsuh u nindukrawh. In-Nisrani jagħraf l-id ta’ Alla fil-ħolqien u jagħmel li jista’ biex l-ambjent naturali ma ssirlux ħsara irreparabbli. Kull żvilupp għalhekk irid ikun żvilupp sostenibbli u għandu jsegwi l-liġijiet tal-pajjiż.

Fl-aħħar nappellaw mill-qalb biex il-kampanja elettorali ngħixuha bi spirtu ta’ rispett lejn il-verità u lejn xulxin, biex il-verdett tal-poplu jigi onorat bl-onestà u fis-sigurtà li jistħoqqlu.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

Illum, 25 ta’ Jannar 2013, Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl.

✠ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta

✠ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex

✠ CHARLES J. SCICLUNA

Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta