• Ix-Xogħol prekarju – Realtà tal-lum

  • Min iħaddem b’xogħol prekarju għandu jiġi megħjun jifhem li bil-prekarjat huwa stess mhux se jibbenefika. L-irħis li jaħseb li ser jakkwista, ser jiswielu aktar għali. L-ewwel, il-prekarjat juri nuqqas ta’ serjetà f’min iħaddem u fil-kumpanija tiegħu; min jaħdem bil-prekarjat qed juri li fil-kumpanija tiegħu ma jitħarsux il-valuri nobbli tax-xogħol. It-tieni, il-prekarjat ma jħallix lill-ħaddiem joffri l-aħjar ħidma tiegħu, flok ma x-xogħol ikun in-namra tiegħu, dan isir madmad għalih. Il-ħaddiem tħabat ħafna biex jakkwista d-drittijiet tiegħu, u dawn id-drittijiet huma riżultat ta’ esperjenza fuq kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni tal-ħaddiem fil-post tax-xogħol tiegħu. M’hemm l-ebda raġuni biex dawn id-drittijiet jiġu misruqa jew mċaħħda.
  • Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol segwiet u qed tkompli ssegwi d-diskussjonijiet li qegħdin jsiru fuq ix-xogħol prekarju f’pajjiżna. Hija tixtieq twassal ukoll il-kontribut tagħha lis-soċjeta fuq din ir-realtà. Ix-xogħol prekarju huwa realtà fid-dinja tax-xogħol, realtà negattiva li tajjeb nagħmlu ħilitna kollha biex tiġi mrażżna.
    Meta nitkellmu fuq xogħol prekarju hemm diversi aspetti x’jiġu kkunsidrati. Prekarju tfisser nuqqas ta’ stabilità u sigurtà. Xogħol prekarju huwa serq lill-ħaddiem minn xogħol diċenti u xieraq li għandu jkollu. Xogħol prekarju huwa abbuż minn min iħaddem fuq il-vulnerabbiltà tal-ħaddiem. Hawn diversi forom ta’ xogħol prekarju l-aktar fejn ix-xogħol huwa mistur minn għajn is-soċjeta u l-ħaddiem. Il-prekarjat jidħol f’kull qasam tax-xogħol, dment li hemm il-bniedem hemm it-tentazzjoni li nużaw flok li naħdmu ma ħutna l-bnedmin.
    Fl-Enċiklika li ħareġ il-Papa Franġisku ‘Id-Dawl tal-Fidi’, insibu riflessjoni fuq din it-tema. F’Kapitlu 4 tal-Enċiklika li titkellem fuq il-Fidi u l-ġid komuni, l-Papa jgħidilna li l-fidi mhux biss huwa vjaġġ imma proċess ta’ bini ta’ dinja aħjar. Huwa messaġġ għalina wkoll biex aħna li nemmnu, nibnu post aħjar lill-ħaddiem, ħieles minn kull tip ta’ prekarjat. Bix-xogħol prekarju, min iħaddem dan it-tip ta’ xogħol, ikun qiegħed juri n-nuqqas ta’ fidi f’Alla u nuqqas ta’ fiduċja li għandu fih innifsu għax ma jafx iħaddem mingħajr ma jqarraq bil-ħaddiem. Juri ukoll nuqqas ta’ fiduċja fil-ħaddiema, u fejn hemm in-nuqqas ta’ fidi/fiduċja ma jkunx hemm l-armonija meħtieġa fil-post tax-xogħol. Il-post tax-xogħol jista’ jinbidel ‘f’għar tal-ħallelin’ minflok post fejn naħdmu flimkien f’armonija għall-ġid komuni.
    Il-Papa jkompli jgħidilna li l-fidi tagħna hija magħquda ma’ l-imħabba tal-proxxmu, imħabba li twassal għall-ġustizzja, ordni u paċi. Dan iwassalna biex nifhmu li l-prekarjat joħloq il-maqlub. Il-prekarjat huwa nġustizzja fih innifsu, iġib id-dizordni u l-inkwiet kemm fil-post tax-xogħol u anke fil-familji tagħna. Il-Papa jgħid dik il-frazi sabiħa li l-fidi tgħinna napprezzaw l-arkitettura tar-relazzjonijiet umani. Il-Fidi f’Alla twassal għal-fidi f’xulxin, nirrispettaw aktar lil xulxin, nirrispettaw d-dinjità umana ta’ kull bniedem, kull ħaddiem, anke dawk l-aktar vulnerabbli. Il-prekarjat ikisser din l-arkitettura sabiħa ta’ relazzjonijiet li għandu jkun hemm fil-post tax-xogħol.
    F’din l-Enċiklika, il-Papa jgħidilna kemm is-soċjetà bbenefikat mill-fidi. Mingħajr il-fidi, l-bniedem jirraġuna bħal pagan Celsus li ma għarafx id-dinjità unika ta’ kull bniedem. Bniedem mingħajr fidi jispiċċa jirraġuna bħal Celsus meta jgħid: ‘Jekk aħna nħarsu lejn id-dinja mis-sema, taħsbu li se jkun hemm differenza bejn il-ħidma tal-bniedem u dik tan-nemel u tan-naħal?’. Jalla qatt ma naslu li nħarsu lejn ix-xoghol tal-ħaddiem mingħajr ma naħsbu fuq id-dinjità tiegħu. Dan iwassal għal-livell l-aktar baxx ta’ xogħol prekarju fejn ma niddistingwux lill-ħaddiem minn magna jew minn annimal.
    Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol tikkonkludi li dan it-tip ta’ xogħol ma għandu qatt ikun aċċettat u għandu jitwaqqaf b’mod immedjat bil-mezzi li tagħti l-liġi. Mid-diskussjonijiet tagħna għandna ngħaddu għall-fatti. L-imsieħba soċjali, il-Gvern, il-Knisja, min iħaddem, u dawk kollha nvoluti għandhom jaħdmu flimkien u jemmnu li b’rieda tajba nistgħu nneħħu x-xogħol prekarju mid-dinja tax-xogħol. Il-ħaddiem li huwa sfrutatt fil-post tax-xogħol tiegħu qiegħed jistennina biex ngħinuh.