Il-Ħadd 11 ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra Jum it-Tagħlim Nisrani. It-tema għal din is-sena hi meħuda mill-Evanġelju ta’ San Mattew : “Mill-Frott Tagħhom Tagħrfuhom” – Mt 7.20. F’dan il-jum, il-Knisja tiċċelebra x-xiehda kontinwa u d-dedikazzjoni tal-katekisti flimkien ma’ l-għajnuna u s-sehem tal-komunità nisranija.

Għal din l-okkażjoni l-Arċisqof Pawlu Cremona ltaqa’ mal-katekisti u l-għalliema tar-Reliġjon, fil-bidu tas-sena kateketika 2009 – 2010. L-Arċisqof ta diversi punti ta’ riflessjoni lill-katekisti u l-għalliema.  Hu saħaq fuq l-importanza li l-katekezi tidħol fil-missjoni kollha tal-evanġelizazzjoni b’tali mod li l-katekezi tinftiehem fil-kuntest tal-Bxara t-Tajba.

L-Arċisqof enfasizza li l-katekisti jridu jgħaddu mhux kelma izda esperjenza tal-Mulej Ġesu għaliex hi din l-esperjenza qal l-Arċisqof, li tbiddel lit-tfal. Heġġiġhom ukoll sabiex fil-katekezi jużaw il-Bibbja għaliex dan qal se jsibuh ‘il quddiem meta jkunu adulti.

Dwar t-tema għal din is-sena, “Mill-Frott Tagħhom Tagħrfuhom”, Fr Carl Mario Sultana mill-Kummissjoni Kateketika qal li din intagħzlet peress li wara waqfa ta’ sentejn fil-parroċċi reġa’ se jkun iċċelebrat is-Sagrament tal-Grizma tal-Isqof. Hu semma kif dan is-sagrament kien dejjem marbut mal-maturità fil-fidi.