L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mill‑esperjenzi verament qawwija u sbieħ hija l‑meravilja tal‑ħajja umana kif tiżviluppa mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha. Illum sar progress kbir fix‑xjenza u wieħed jista’ jieħu wkoll scan tat‑tarbija fil‑ġuf meta tkun għadha żgħira żgħira, qed tifforma ruħha bil‑mod il‑mod. Ix‑xjenza waħedha tgħidlek: hemm il‑ħajja; mhijiex biss potenzjal ta’ ħajja, imma bdiet ħajja umana.

Anke jekk nagħlqu għajnejna biex ma narawx, u nippretendu li mhijiex hemm, xorta tibqa’ ħajja umana ġdida. Li hemm ħajja umana tgħidhielna x‑xjenza, mhux il‑fidi. Li tgħidilna l‑fidi hi li din il‑ħajja umana hi don ta’ Alla, u li f’din il‑ħajja umana aħna naraw ix‑xbieha tiegħu. Fl‑Evanġelju, Ġesù illum jurina kif għal Alla l‑ħajja ta’ kull bniedem hi għażiża.

Fost l‑aktar vulnerabbli

Illum nixtiequ nuru l‑gratitudni tagħna għal tant nies li jgħożżu l‑ħajja sa mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha. Hemm tliet kelmiet li nixtieq nipproponi lilkom illum aħna u niċċelebraw Jum il‑Ħajja, b’enfasi partikolari fuq il‑ħajja umana fil‑ġuf: imħabba, kompassjoni u għożża.

Huwa dan l‑ambjent l‑aktar li jixraq għall‑ħajja umana li bdiet: ambjent ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, u ta’ għożża. Il‑ħajja umana fil‑bidu tagħha hi l‑ħajja fl‑aktar mument ta’ vulnerabbilità, dipendenza, u dgħufija. Teħtieġ attenzjoni, sostenn u protezzjoni. Jgħid tajjeb min jistqarr li s‑saħħa tas‑soċjetà titqies mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa. Aħna rridu naħdmu għal soċjetà fejn id‑dinjità ta’ kull ħajja umana hi apprezzata u protetta, b’attenzjoni speċjali lejn dawk li huma l‑aktar dgħajfa.

Il‑valur tal‑ħajja fil‑pandemija

Il‑valur tal‑ħajja qed narawh jispikka fl‑esperjenza kerha tal‑pandemija Covid‑19 li għexna u li għadna qed ngħixu. Meta naffaċċjaw virus li jhedded is‑saħħa imma wkoll il‑ħajja ta’ ħafna, aħna aktar nintebħu kemm il‑ħajja hi prezzjuża u għandha tiġi protetta minn dak kollu li jheddidha.

Għalhekk ħadna diversi miżuri ta’ prevenzjoni, u għalhekk importanti li nkomplu nsegwu dawn il‑miżuri. Għalhekk ukoll il‑vaċċin hu importanti. Meta tagħsar, tinduna li nagħmlu dak li nagħmlu għax ngħożżu l‑ħajja tagħna u tal‑oħrajn, u ninkwetaw meta jkun hemm min ma jurix rispett lejn il‑ħajja.

Il‑pandemija wrietna wkoll li l‑ħajja ta’ kulħadd hi importanti. Hu min hu, hi min hi; kemm min għadu żgħir ħafna, kif ukoll min kiber ħafna fl‑età, u wkoll dawk li għandhom kundizzjonijiet ulterjuri. Ilkoll għandhom dritt għall‑ħajja u għad‑dinjità. Għalhekk nixtieq insellem lil dawk kollha li ħadmu bis‑sħiħ għall‑ħarsien tal‑ħajja ta’ kulħadd bi sforzi kbar li ta’ min japprezzahom.

M’hemm ħadd li hu żejjed, m’hemm ħadd li għandu jiġi skartat.

Konsistenza

Il‑pandemija wrietna li għandna nkunu konsistenti favur il‑ħajja. Għalhekk hu importanti li l‑ħajja tkun imħarsa mill‑ewwel mument sat‑tmiem naturali tagħha. Hemm vulnerabbiltà u dgħufija fil‑bidu nett, kif ukoll f’dawk li resqin lejn l‑aħħar jew waslu fl‑għabex tal‑ħajja. Dawn ukoll jistħoqqilhom kull kura li ttaffi t‑tbatija li jgħaddu minnha, u soċjetà li toffrilhom imħabba, kompassjoni, u għożża sal‑aħħar. Nixtiequ nwasslu dan il‑messaġġ lil dawk li minħabba l‑mard u l‑kundizzjonijiet diffiċli ta’ ħajjithom, iħossuhom vulnerabbli, dipendenti, dgħajfa, jeħtieġu l‑għajnuna. M’hemm ħadd li hu żejjed, m’hemm ħadd li għandu jiġi skartat.

Għax aħna lkoll favur il‑ħajja, nixtiequ nipproteġuha mhux biss fl‑ewwel mument tagħha u fit‑tmiem tagħha, imma f’kull waqt tagħha. Għalhekk inħeġġu kull tip ta’ azzjoni favur il‑ħajja, bħall‑għoti tad‑demm li hu att ġeneruż li tant hu meħtieġ; ir‑rispett lejn l‑arja li nirrespiraw u lejn il‑ħolqien; l‑attenzjoni għall‑ħajja waqt is‑sewqan; il‑miżuri responsabbli fil‑kostruzzjoni biex ħadd ma jispiċċa vittma tat‑traskuraġni; l‑għajnuna lil min b’disperazzjoni qed ifittex kenn u jinsab f’riskju li jegħreq fil‑Baħar Mediterran; il‑protezzjoni ta’ persuni li huma vittmi tal‑vjolenza domestika biex ma jibqgħux vittmi; u s-sensitività fil-mod kif nitkellmu fuq xulxin u ma’ xulxin. Dawn biex insemmi eżempji konkreti fil‑ħajja, li juru l‑konsistenza fil‑ħidma għall‑protezzjoni tal‑ħajja. Aħna favur il‑ħajja umana f’kull waqt tagħha, u l‑ħajja b’dinjità.

Għalhekk il‑kompassjoni tagħna hi lejn it‑tarbija fil‑ġuf u fl‑istess waqt lejn l‑omm li ġġorr it‑tarbija.

Għajnuna u appoġġ

Alla li sar bniedem fostna jurina li hija l‑imħabba li tagħtina l‑milja fil‑ħajja. Hi l‑imħabba li turi ruħha f’kompassjoni, speċjalment ma’ min qed ibati. Fis-Salm tlabna: “Hu jfejjaq il‑qlub maqsuma, hu jorbot il‑ġrieħi tagħhom”. Għalhekk il‑kompassjoni tagħna hi lejn it‑tarbija fil‑ġuf u fl‑istess waqt lejn l‑omm li ġġorr it‑tarbija. It‑tnejn għeżież. Speċjalment irridu ngħożżu f’qalbna lil dawk li għaddejjin minn diffikultajiet u problemi, u noffru wens u solidarjetà biex ebda persuna ma terfa’ l‑piż waħedha jew tispiċċa vittma. Nirringrazzjaw lil dawk li qegħdin jaħdmu bis‑sħiħ biex jipprovdu din l‑għajnuna b’imħabba, b’kompassjoni, u b’għożża.

Soċjetà progressiva

Meta nagħrfu kemm hi prezzjuża u għażiża l‑ħajja, qatt ma naslu biex niskartawha jew neliminawha. Tkun soċjetà rigressiva li tagħmel dan. Imma aħna rridu soċjetà progressiva li tgħin biex il‑ħajja tagħmel progress, timxi ’l quddiem, u tagħraf li s‑saħħa ta’ soċjetà bħal din tiddependi mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.

Nitolbu biex fil‑ħidma tagħna ġusta u f’waqtha favur il‑ħajja, inkunu dejjem ispirati mill‑imħabba, mill‑kompassjoni, u mill‑għożża.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju