L-Arċisqof Charles Jude Scicluna llejla se jiċċelebra quddiesa fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Patri Claudio Borg, Dumnikan, bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas-Sliema.

Patri Claudio Borg twieled fit‑22 ta’ Awwissu 1963 u trabba fil‑parroċċa tas‑Sacro Cuor, Tas‑Sliema. Huwa studja l‑filosofija fl‑Università ta’ Malta u t‑teoloġija fl‑Università ta’ Bologna fl‑Italja.

Il‑formazzjoni reliġjuża tiegħu bdiet fl‑1986 fil‑Kunvent tal‑Madonna tal‑Għar, ir‑Rabat. Beda n‑novizzjat f’Settembru tal‑1988 u erba’ snin wara rċieva l‑Professjoni Solenni fl‑Ordni Dumnikan. Hu ġie ordnat saċerdot mill‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit‑8 ta’ Lulju 1994.

Wara li ġie lura mill‑Italja, Patri Claudio beda ħidma pastorali fil‑parroċċa ta’ San Duminku, il‑Belt. Serva wkoll fil-komunità Dumnikana fil‑Birgu u bħala pirjol tal‑komunità Dumnikana fi Gwardamanġa. Huwa għamel ukoll tmien snin jgħallem ir‑reliġjon u l‑istudji tal‑media fil‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir fil‑Belt, u kien assistent kap tal‑istess skola.

Il‑parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas‑Sliema tiġbor fiha madwar 2,900 persuna.