Waqt il‑laqgħa ġenerali annwali tal‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA), li tirrappreżenta 55 skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex, intagħżlu l‑membri l‑ġodda tal‑kumitat għas‑snin 2021‑2024.

Fr Jimmy Bartolo SJ ġie kkonfermat bħala koordinatur tal‑assoċjazzjoni. Stephen Cachia ntagħżel bħala viċi kordinatur, Fr Jeremy Vella SDB bħala teżorier, Mariuccia Fenech bħala segretarja u Roberta Mifsud Bonnici bħala viċi segretarja. Fr Clinton Farrugia MSSP, Dun Mark Ellul, Mario Mallia, u Elton Vella ntagħżlu bħala membri tal‑kumitat.

L‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja twaqqfet fl‑2015 sabiex toħloq network ta’ kollaborazzjoni, għarfien u tisħiħ bejn l‑iskejjel tal‑Knisja fid‑dawl tal‑Evanġelju u tat‑tagħlim tal‑Knisja Kattolika fi djalogu sħiħ mal‑kultura kontemporanja, kif ukoll iżżomm fiċ‑ċentru lill‑istudent skont il‑kariżma ta’ kull ordni reliġjuż, assoċjazzjoni lajkali jew djoċesana.

Fost l‑oħrajn, l‑assoċjazzjoni toffri opportunitajiet ta’ formazzjoni professjonali u spiritwali lill‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja waqt li ssaħħaħ u tiffaċilita d‑djalogu mas‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija, u tiżgura li l‑membri tagħha jkunu rappreżentati f’laqgħat ma’ gruppi governattivi u tal‑Knisja, kif ukoll ma’ entitajiet oħra.

L‑iskejjel tal‑Knisja joffru edukazzjoni lil madwar 17,000 student, li jfisser 32% fil‑mija tal‑istudenti kollha fil‑Gżejjer Maltin li qegħdin fil‑fażi obbligatorja tal‑formazzjoni edukattiva tagħhom.