Women bishops

Vot prattikament mhux mistenni ta’ LE għal-proposta li l-Knisja Anglikana jkollha Isqfijiet nisa. Fi kliem l-Arċisqof ta’ Canterbury, Primat tal-Komunjoni Anglikana, Rowan Williams, qal li “ċertament dan il-vot mhux it-tmiem ta’ din l-istorja”.

Williams għadda dan il-kumment wara li ttieħdet din id-deċiżjoni fis-Sinodu Ġenerali tal-Knisja fl-Ingilterra dwar il-proposta li jibdew ikunu kkonsagrati Isqfijiet nisa.

Is-sistema li tirregola l-attivita tas-Sinodu hi stretta u titlob żewġ terzi tal-maġġoranza f’appoġġ fil-vot biex proposta tkun tista’ tiġi approvata. F’dal-każ, iż-żewġ terzi appoġġ ma nkisbitx għal ftit voti.

L-Arċisqof attwali ta’ Canterbury Rowan Williams, u s-suċċessur tiegħu nominat, l-Isqof Justin Welby, ivvotaw iva għall-proposta u qalu li dan ir-riżultat hu biss ostaklu temporanju. Fi żmien tliet snin, il-mozzjoni, skont ir-regolamenti attwali, tista’ terġa’ titressaq quddiem is-Sinodu għall-approvazzjoni tiegħu.