Il‑Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid se temenda l‑applikazzjoni tal‑ippjanar tagħha għal kafetterija żgħira fuq il‑bejt tal‑knisja sabiex tispeċifika li ebda ikel ma jista’ jissajjar fuq il‑post.

Wara diskussjonijiet li saru bejn l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑kappillan Dun Marc André Camilleri, intlaħaq qbil li minflok liċenzja ta’ 4D, il‑parroċċa tapplika għal liċenzja ta’ 4C li ma tippermettix li jsir tisjir fuq il‑post.

Kelliem għall‑Arċidjoċesi qal: “Qatt ma kien hemm il‑ħsieb li jkun hemm ristorant fuq il‑bejt tal‑knisja parrokkjali iżda ġie maqbul li jkun prudenti li l‑parroċċa temenda l‑applikazzjoni tagħha biex telimina aktar spekulazzjoni u ideat żbaljati.

“Il‑kappillan kien diġà għamilha ċara fl‑avviż tal‑applikazzjoni tal‑ippjanar imwaħħal mal‑knisja, u fi stqarrija maħruġa lbieraħ, li skont il‑pjanti kienet se tinfetaħ biss kafetterija żgħira fuq il‑bejt tal‑parroċċa. Bl‑emenda fl‑applikazzjoni qed jara li jelimina kull dubju li jista’ jkun hemm.”

Il-kafetterija proposta, li tagħmel parti minn proġett akbar li jinkludi mużew u ċentru ta’ interpretazzjoni, se tkun qed topera f’binja eżistenti f’wieħed mill‑kampnari. Filwaqt li mhu se jsir ebda bini fuq barra, imwejjed u siġġijiet mhux fissi se jitqiegħdu barra wara l‑balavostri għoljin tal‑knisja skont l-applikazzjoni oriġinali.

Mhux se jkun hemm impatt negattiv fuq il‑valur estetiku tal‑knisja peress li ż‑żona tal‑kafetterija mhux se tkun viżibbli mil‑livell tat‑triq.

Il‑proġett, li għandu l‑għan jiġbor fondi tant meħtieġa għal xogħlijiet ta’ restawr fil-knisja li jiswew ħafna flus kif ukoll biex jgħin il‑ħidma pastorali, huwa suġġett għall‑approvazzjoni tal‑Awtorità tal‑Ippjanar. Ta’ min wieħed jinnota li inizjattivi simili diġà saru fi knejjes oħra barra minn Malta, fosthom fil‑Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma.